Internazzjonali

Wara l-qtil ta’ George Floyd: L-Istati Uniti xukkjata b’filmati ta’ brutalitá mill-pulizija waqt il-protesti

Il-poplu fl-Istati Uniti jinsab imħasseb u xukkjat għal sensiela ta’ filmati li juru biċ-ċar l-aġir brutali tal-pulizija waqt il-protesti li qamu madwar il-pajjiż wara l-qtil ta’ raġel iswed li kien qed jinżamm arrestat (mill-pulizija) f’Minneapolis.

Il-protesti bdew f’Minneapolis u nfirxu għal bliet oħra, fejn il-pulizija u d-dimostranti konfrontaw lil xulxin, fost vjolenza li laħqet livelli allarmanti.

Intant, sar magħruf li żewġ pulizija f’Buffalo, fl-Istat ta’ New York, spiċċaw sospiżi wara li dehru fuq filmat qed jimmaltrattaw raġel abjad anzjan qabel tefgħuh mal-art. L-inċident seħħ waqt l-infurzar ta’ curfew u l-filmat juri lir-raġel mimdud mal-art, bid-demm ħiereġ minn widnejh.

Sar magħruf, wara, li raġel sofra ġrieħi serji f’rasu – bil-pulzija ta’ Buffalo, għall-bidu, tistqarr li ‘ir-raġel kien ħa gambetta u waqa’ f’inċident li kien jinvolvi dimostranti’.Il-kliem qarrieqi jqajjem ferment kbir fuq il-media soċjali.

Ir-rapporti dwar vjolenza min-naħa tal-pulizija komplew deħlin sigħat wara li sar servizz ta’ tifkira għal George Floyd, ir-raġel iswed minn Minneapolis li miet wara li l-pulizija arrestatu u fejn kien spiċċa mal-art, b’uffiċjal tal-pulizija abjad jagħfas irkopptu fuq għonqu u sal-punt fejn Floyd ma setax jieħu n-nifs.

Il-qtil ta’ Floyd ukoll inqabad fuq filmat fejn qamet mewġa ta’ għadab, stmerrija u rabja popolari kontra d-diskriminazzjoni razzjali u t-trattament ħażin, mill-pulizija, tal-Amerikani-Afrikani fl-Istati Uniti u madwar id-dinja.

Fi żvilupp separat, il-pulizija f’Arizona ħarġet dettalji dwar il-qtil ta’ Dion Johnson, Amerikan-Afrikan ieħor, li seħħ fil-belt ta’ Phoenix (fl-Istat ta’ Arizona) fil-25 ta’ Mejju – l-istess ġurnata meta nqatel Floyd.

Johnson kien inqatel mill-pulizija wara li nstab ‘mitluf minn sensih f’karozza’ li kienet qed timblokka t-traffiku. Ir-rapport irrefera għal sitwazzjoni fejn Johnson irreżista lill-pulizija, ‘bir-riżultat li uffiċjal spara l-arma tan-nar tiegħu fejn spiċċa jolqot lil Johnson, b’konsegwenzi fatali’.

L-istqarrija ħarġet biss wara li l-familja ta’ Johnson kienet offruta kopja ta’ filmat tal-inċident li ttieħed mid-Dipartiment tat-Trasport flimkien ma’ rekording tal-inċident mingħand uffiċjali tal-liġi.

F’inċidenti oħra, xufier li kien qed iwassal l-affarijiet essenzjali fil-belt ta’ New York spiċċa arrestat ftit minuti biss wara li sar effettiv il-curfew fl-inħawi u minkejja li hu ‘ħaddiem ta’ emerġenza li jrid ikompli għaddej b’xogħolu’.

Intant, il-pulizija f’Williamsburg, zona oħra ta’ New York, jidhru waqt li qed jagħtu s-salt lil grupp ta’ dimostranti, li wħud minnhom spiċċaw mal-art.

Il-Gvernatur tal-Istat ta’ New York, Andrew Cuomo, iddefenda lill-pulizija u qal li l-uffiċjali ‘ma kenux qed isawwtu ċittadini mingħajr raġuni’. Intant, Cuomo qal li ‘hu ħażin’ jekk il-pulizija użat vjolenza bla bżonn fuq f’numru ta’ każi. Is-Sindku ta’ New York, Bill de Blasio, sostna li ‘l-awtoritajiet qed jagħmlu kollox biex iżommu s-sigurtà mingħajr ma jaqbżu l-limitu’.

Madankollu, de Blasio u Cuomo ikkundannaw l-inċidenti li nqalgħu fil-lejl tal-Ħamis, u li Cuomo fisser bħala ‘tal-mistħija u mhumiex ġustifikati’. Hu, din id-darba, insista li l-pulizija għandha d-dmir li ‘tinforza u mhux tabbuża’ l-liġi.

L-inċidenti u oħrajn simili seħħew waqt li l-pulizija kienu qed jinfurzaw il- curfew f’għexieren ta’ bliet Amerikani fil-jiem ta’ wara l-qtil ta’ George Floyd. Il-protesti  ma waqfux fl-ibliet Amerikani u f’pajjiżi oħra fejn eluf attendew rallies b’solidarjetà ma’ George Floyd fir-Renju Unit, l-Awstralja, Franza u l-Olanda.

Fl-aħħar sigħat mijiet ta’ nies attendew is-servizz, f’Minneapolis, biex jonora lil George Floyd u fejn żammew silenzju sħiħ għal tmien minuti u 46 sekonda biex jissimbolizzaw iż-żmien li dan il-vittma nżamm mal-art fil-ħin tal-arrest.