Lokali

AĠĠORNATA: Nirien kbar jaħkmu mħażen ta’ kumpanija tat-trasport f’Ħaż-Żebbuġ

Dħaħen kbar jiksu liż-żona ta' Ħal Qormi u l-madwar

Nirien kbar ħakmu l-imħażen ta’ kumpanija privata tat-trasport fi Triq l-Imdina f’Ħaż-Żebbuġ, bid-dħaħen suwed faħma, evidenti f’bosta bnadi mbegħda fil-gżira, ksew lil Ħal Qormi u nfirxu f’bosta bnadi fiċ-ċentra u n-nofsinhar ta’ Malta.

Kien għall-ħabta tas-2 ta’ waranofsinhar li d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kien infurmat li żviluppaw xi nirien f’imħażen ta’ kumpanija privata tat-Trasport fit-triq bejn Ħaż-Żebbuġ u Ħal Qormi.

Ritratt: Martin Agius

Fuq il-post, il-membri tal-Protezzjoni Ċivili sabu dħaħen kbar mal-ewwel, li tant eskalaw li kellhom jissejjħu 24 membru tal-protezzjoni ċivili, 8 voluntiera tas-St. John’s Rescue Corps, kif ukoll għaxar units tat-tifi tan-nar, fosthom 3 bowsers b’eluf ta’ litri t’ilma, biex setgħu jikkumbattu n-nirien għal sagħtejn sħaħ sakemm ġie kkontrollat.

Ritratt: Martin Agius

Kelliem għad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili qalilna li n-nar żviluppa b’mod feroċi minħabba bosta affarijiet li jaqbdu malajr u li jtellgħu temperaturi għolja, fosthom aċitelena, tyres, plastic, żebgħa u spray. Evidenti minn Triq l-Imdina, fl-imħażen kien hemm bosta dgħajjes, inġenji u trailers.

Ritratt: Martin Agius

Fuq il-post issejħet ambulanza waħda għall-assistenza f’każ ta’ bżonn minħabba d-dħaħen tossiċi li ħarġu

Rapporti li waslu lil NET News jgħidu li f’diversi ħinijiet, instemgħu ukoll għadd ta’ splużjonijiet mill-istess post.

Fost l-affarijiet li ġew irkuprati, ilmaħna pappagal li nħareġ bl-għajnuna tal-ħaddiema tal-kumpanija in kwistjoni u l-membri tal-protezzjoni ċivili.

Ritratt: Martin Agius

Għal bosta sigħat, il-Pulizija għalqu l-karreġġjata minn Ħaż-Żebbuġ ghal Ħal Qormi għat-traffiku, b’bosta oħrajn tielgħin minn Ħal Qormi jieqfu biex isegwu mill-viċin n-nirien.

Ir-riħ qawwi mill-Majjistral li kien hawn is-Sibt fil-gżejjer Maltin ma tantx għen biex is-sitwazzjoni tiġi kkontrollata, hekk kif l-immaġni li daħlu lil din il-kamra tal-aħbarijiet, id-dħaħen kienu evidenti mill-Mellieħa, l-Imtarfa, is-Swatar, l-Iklin kif ukoll mill-Fgura.