Futbol Sport

Bayern Munich b’rebħa oħra konvinċenti barra minn darhom

(Ritratt: EPA)

Fil-partitissima tat-30 ġurnata, Bayern Munich komplew jersqu qrib it-titlu meta barra minn darhom għelbu lil Bayer Leverkusen 4-2. Kienu Leverkusen li fetħu tajjeb u wara 10 minuti kien LUCAS ALARIO li wara konfużjoni tefa’taħt Manuel Neuer bl-assistent referee jgħolli l-bandier għal offside, bid-deċiżjoni tkun mibdula permezz tal-VAR.

Bayern Munich wettqu reazzjoni mmedjata u ħolqa bosta okkażjonijiet ta’skor. Fit-30 minuta kien KINGSLEY COMAN li ġab id-draw wara li Leon Goretzka rebaħ ballun tajjeb f’nofs il-grawnd qabel ma qassam lejn l-istess Coman li xeħet wara Hrádecký. Erba’ minuti qabel tmiem l-ewwel taqsima, kien LEON GORETZKA li wara kontra attakk tajjeb minn Bayern Munich ikkonkluda fil-baxx. Fil-ħin addizzjonali tal-ewwel taqsima, Bayern aċċertaw mir-rebħa meta minn pass fit-tul kien SERGE GNABRY li qabbeż min fuq il-gowlkiper biex għamilhom 3-1.

It-tieni taqsima baqgħat iddominata minn Bayern Munich u fis-66 minuta ROBERT LEWANDOWSKI bir-ras jagħmilhom erbgħa wara cross ta’ Thomas Muller. Leverkusen naqqsu d-distakk fid-90 minuta b’gowl sabiħ miż-żagħżugħ ta’ 17 –il sena FLORIAN WIRTZ.

RB Leipzig miżmuma fi draw ta’ 1-1 mit-tim tal-qiegħ Paderborn. Wara bosta okkażjonijiet ta’ skor, kien PATRIK SCHICK li tefa’ lil Leipzig fil-vantaġġ wara pass tajjeb ta’ Timo Werner. Żewġ minuti qabel tmiem l-ewwel taqsima, RB Leipzig spiċċaw bi plejer anqas wara li Dayot Upamecano rċieva t-tieni karta safra. Paderborn approfitaw mit-tkeċċija ta’ Upamecano u fit-tieni minuta minn ħamsa miżjuda fuq id-90 minuta kien il-captain CHRISTIAN STROHDIEK  li wara konfużjoni fil-kaxxa tefa’ wara Gulsasci għal draw drammatiku

Hoffenheim irnexxilhom jiksbu punt kontra Fortuna Düsseldorf minkejja li għamlu ħin twil mill-partita jilagħbu b’għaxar plejers. Kien ROUWEN HENNINGS  li b’daqqa ta’ ras tefa’ lil Düsseldorf fil-vantaġġ wara ħames minuti. Hoffenheim spiċċaw b’għaxar plejers fid-9 minuta wara li Huebner tkeċċa b’mod dirett wara li deher ixejjer bil-minkeb. MUNAS DABBUR ġab id-draw fis-16 –il minuta għal Hoffenheim. It-tim ta’ Alfred Schreuder mar fil-vantaġġ fil-61 minuta permezz ta’ STEVEN ZUBER iżda kwarta wara reġa’ kien ROUWEN HENNINGS li minn penalty ġab id-draw.

Mainz barra minn darhom għelbu lil Eintracht Frankfurt 2-0 biex b’hekk ħadu xi ftit tan-nifs fil-ġlieda kontra r-relegazzjoni. Mainz marru fil-vantaġġ żewġ minuti qabel tmiem l-ewwel taqsima permezz ta’ MOUSSA NIAKHATE. Huma aċċertaw mir-rebħa 13 –il minuta mit-tmiem permezz ta’ PIERRE KUNDE.