Futbol Sport

Brescia se jitterminaw il-kuntratt ta’ Balotelli

(Ritratt: EPA)

Rapporti fl-Italja qed jgħidu li t-tim tas-Seria A Brescia se jitterminaw il-kuntratt tal-attakkant Taljan Mario Balotelli wara li naqas milli jattendi għas-sessjonijiet tat-taħriġ minn meta nbdew fil-bidu ta’ Mejju. It-Taljan ta’ 29 sena ffirma kuntratt ta’ tliet snin ma’ Brescia fil-bidu ta’ dan l-istaġun wara li l-klabb fejn twieled kiseb il-promozzjoni għas-Serie A għall-ewwel darba sa mill-2011.

L-eks plejer ta’ Inter, Manchester City, Milan u Liverpool fost l-oħrajn, aktar kmieni dan ix-xahar kellu argument mal-President ta’ Brescia Massimo Cellino wara li hu ma rritornax għat-taħriġ minn wara li ġew rilaxxati l-miżuri b’rabta mal-pandemija tal-coronavirus. Matul is-snin il-karattru ta’ Balotelli kien pjuttost kontroversjali minħabba r-reputazzjoni tal-attitudni tiegħu.

Huwa mifhum li Balotelli ġie offrut terminazzjoni tal-kuntratt tiegħu iżda hu m’ aċċettax din l-offerta bil-klabb ikun kostrett li jibgħat lill-avukat tal-plejer. Ma’ Brescia li jinsabu fil-qiegħ tal-klassifika tas-Serie A, Balotelli skorja ħames gowls f’19 –il partita.