Lokali

AĠĠORNATA: Mhux ċar x’qed jiġri abbord l-Europa II; il-vapur bl-immigranti baħħar lejn San Ġiljan

Fuq il-vapur hemm mal-160 immigrant

Għadu mhux ċar x’qed jiġri abbord il-vapur Europa II tal-Captain Morgan, hekk kif f’dawn il-ħinijiet (5:30pm) il-vapur bl-immigranti baħħar lejn San Ġiljan.

Rapporti li waslu għand dan is-sit jindikaw li l-AFM kienu wkoll notifikati b’dan il-moviment, tant illi iċċaqalqet patrol boat li inżammet fid-daħla tal-Port il-Kbir, ‘il barra mill-breakwater. Iżda l-Europa II baqa’ sejjer lejn iz-zona ta’ San Ġiljan u Pembroke.

Għal ħin twil ħelikopter tal-AFM dehem jittajjar fl-inħawi ta’ Tas-Sliema u San Ġiljan, kif ukoll fuq il-Port il-Kbir.

Sorsi qed jindikaw illi possibilment, l-immigranti abbord ħadu kontroll tas-sitwazzjoni. Għalkemm rapporti kunflinġenti qed jgħidu li dan mhux minnu.

L-immigranti issa ilhom ġimgħat sħaħ bejn sema u ilma, abbord vapuri li tagħhom bħala pajjiż qed inħallsu l-prezz ta’ €3,000 kuljum.

AKTAR KMIENI

L-Europa II, dgħajsa tat-turisti tal-Captain Morgan, li inkriet mill-Gvern biex iżżomm fuqha l-immigranti, jidher li qegħda ssalpa lejn il-Ħofriet, f’Delimara, u għalhekk se tidħol fl-ibħra territorjali Maltin.

Informazzjoni li waslet għand Net News tindika li l-bastiment kellu jiċċaqlaq eqreb lejn Malta minħabba r-riħ qawwi li ħakem iż-żona fl-aħħar sigħat.

Aktar kmieni rapporti fuq portals oħrajn indikaw li seta’ kien hemm protesta fuq l-istess bastiment, għalkemm dan ma setax jiġi kkonfermat b’mod indipendenti mill-portal tagħna.

Il-Gvern għadu ma ħareġ l-ebda stqarrija dwar dan, u tentattivi biex nitkellma mal-Forzi Armati ta’ Malta kienu kollha għalxejn.

Kull bastiment li nkera mill-Gvern biex fuqu jżomm lil dawn l-immigranti qed jiswa lill-pajjiż tlett elef Ewro kuljum.