Lokali

“Fejn marret il-verità?” – ħafna jpoġġi dubji wara li fl-Amerika waqgħu l-akkużi kontra Ali Sadr

Sejħa biex is-sid ta' Pilatus jiġi estradit lejn Malta

Kienet “teknikalità”. Nuqqas proċedurali.

Kien dan illi wassal lill-gvern Amerikan iwaqqa’ l-każ kontra l-Iranjan Ali Sadr, li xhur ilu kien instab ħati ta’ frodi u li kiser is-sanzjonijiet imposti mill-Istati Uniti.

Is-sid ta’ dak li xi darba kien il-bank Pilatus, issa huwa ħieles.

Ali Sadr kellu jiġi kkundannat f’Awwissu, u kien qed jiffaċċja sentenza li kienet titla’ sa 85 sena. Hu kien għadda ġuri illi sabu ħati.

Iżda l-Qorti issa iddeċidiet li twaqqa’ l-każ fuq kwistjonijiet relatati ma’ informazzjoni li kienet fil-pussess tal-gvern Amerikan …u li ma kinitx żvelata lit-tim tad-difiża ta’ Ali Sadr.

F’Marzu li għadda, hu kien nstab ħati li kiser is-sanzjonijiet tal-Istati Uniti kontra l-Iran bir-rabtiet li kellu mal-Venezwela; akkużi li ma kellhom x’jaqsmu xejn mal-allegazzjonijiet kontrih f’pajjiżna. Ali Sadr kien instab ħati wkoll li kkonfoffa, froda u qarraq bil-gvern tal-Istati Uniti – akkużi li issa se jaqgħu kollha.

Il-blogger Kenneth Rijock, li ilu mill-bidu jsegwi dan il-każ, sostna li b’din id-deċiżjoni “ma saritx ġustizzja”. Rijock jistaqsi “fejn marret il-verità? Ħadet vaganza?”

B’reazzjoni għal dawn l-iżviluppi, il-Fondazzjoni Daphne Caruana Galizia talbet l-estradizzjoni immedjata ta’ Ali Sadr lejn Malta sabiex jiffaċja ġustizzja.

Il-bank Pilatus kien twaqqaf f’Malta ftit wara li l-Partit Laburista ħa l-poter fl-2013 u kien involut f’lista ta’ skandli, sakemm il-liċenzja tiegħu ġiet irtirata mill-Awtorità Bankarja Ewropea f’Ġunju tal-2018. U sa issa, ma ttieħdet l-ebda azzjoni kontra l-bank jew is-sid tiegħu f’Malta, minkejja l-evidenza u l-akkużi tqal li hemm kontra Ali Sadr.

L-Iranjan huwa l-istess persuna li meta feġġ l-iskandlu Egrant – kumpanija li sal-lum għadna ma nafux ta’ min hi – kien deher jaħrab bil-bagalji mill-uffiċċju tal-bank f’Ta’ Xbiex.

Il-bagalji li nħarġu minn Pilatus Bank fis-satra tal-lejl