Lokali

Ifeġġu akkużi serji fil-konfront tal-Aġent Kummissarju tal-Pulizija

Intervista ma' LovinMalta tikxef aktar stejjer xokkanti fl-għola karigi tat-tmexxija tal-Korp

Rapporti ppubblikati fl-aħħar sigħat qed jindikaw illi waqt il-party tal-Milied li għadda, l-Aġent Kummissarju tal-Pulizija Carmelo Magri kien appella lill-uffiċjali tat-Taqsima tat-Traffiku biex “iżommu sodi mal-Partit Laburista”.

Dan ħareġ minn intervista li taw żewġ persuni lis-sit LovinMalta, u li allegatament qed jgħidu li huma tnejn minn dawk il-Pulizija akkużati bl-iskandlu li feġġ fit-Taqsima tat-Traffiku fil-bidu ta’ din is-sena.

Fl-intervista huma jirreferu għal dak li kien qalilhom ftit tax-xhur ilu l-Aġent Kummissarju, fil-perijodu li fih il-Gvern Laburista kien għaddej mill-eqqel ta’ kriżi politika. “Hu [Magri] kien qalilna li ‘dan hu l-partit li tant inħobb'”, qalu l-Pulizija intervistati.

Jakkużaw ukoll lill-Aġent Kummissarju li “qed jilgħaba tal-verġni”. U issa “għamlilna dak li għamlilna; dan kien jieħu ħsieb it-Traffic”.

Fl-intervista, jissemma’ l-Economic Crimes Unit immexxija mill-Assistent Kummissarju Ian Abdilla. Huma jitfgħu allegazzjonijiet serji fuq Ian Abdilla, illi skont il-Pulizija “inqeda bil-każ tat-Traffic dakinhar li suppost kellu jixhed dwar l-imprenditur Yorgen Fenech”.

“Għamel jumejn jikkummiedja bina”, jgħidu fl-intervista meta jirreferu fuq Ian Abdilla.

Intant, in-Network tas-Soċjetà Ċivili (CSN) sejjaħ għal inkjesta pubblika, immexxija minn tliet imħallfin, biex jiġu nvestigati dawn l-allegazzjonijiet.