Il-Kap Eżekuttiv ta’ RB Leipzig, Oliver Mintzlaff innega rapporti li dehru fil-midja li l-attakkant tagħhom Timo Werner issieħeb ma’ Chelsea. Rapporti fil-midja internazzjonali qed jgħidu li l-attakkant Ġermaniż jinsab qrib ħafna ta’ li jiffirma kuntratt ta’ ħames snin ma’ Chelsea. Fil-midja dehru wkoll spekulazzjonijiet li Werner jista’ jissieħeb ma’ Liverpool, iżda ftit qabel il-partita li RB Leipzig lagħbu kontra Paderborn, Mintzlaff qal li l-klawsola €60 miljun għadha ma ġietx attivata.
Mintzlaff qal li għal Leipzig kien importanti li s-sena l-oħra Werner iffirma kuntratt ġdid biex b’hekk il-plejer ma jkunx jista’ jitlaq b’xejn. Il-Kap Eżekuttiv, naqas milli jikkonferma dwar x’ se jkun il-futur tal-plejer jekk jintlaħaq ftehim qabel il-kwarti finali taċ-Champions League wara li fir-rawnd tal-aħħar sittax eliminaw lil Tottenham.
Hu kkonkluda li jinsab konvint li Leipzig jirnexxilhom jilħqu ftehim mal-klabb li jakkwista lil Werner biex iżommuh sal-aħħar tal-istaġun. Ma’ Leipzig, Werner lagħab 123 partita u skorja 75 gowl.
//= $special ?>