Lokali

Il-KSU trid l-iżbark immedjat tal-immigranti

Ritratt: Arkivji

Fi stqarrija, il-Kunsill Studenti Universitarji (KSU) qal illi ż-żamma tal-migranti fuq il-bastimenti Captain Morgan u Supreme Cruises għal aktar minn 37 jum hija fundamentalment kontra l-valuri Maltin, l-ispirtu tal Kostituzzjoni u l-istandards u obbligi fit-trattati internazzjonali.

• Filwaqt li nirrikonoxxu d-dmir tal-Unjoni Ewropea li tgħin lill-pajjiżi l-agħar milquta mill-kwistjoni tal-migrazzjoni, il-battibekki politiċi u diplomatiċi m’għandhomx jieħdu prijorità fuq id-diċenza umana.

• L-ispiża mdaqqsa ta’ din l-operazzjoni, li qed tħalli lil bastimenti privati joperaw dak li huwa effettivament ħabs fuq il-baħar, hija purament ħala meta wieħed jikkunsidra l-alternattiva loġika ta’ żbarkar, biż-żamma tal-migranti fuq l-art fejn ir-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem jistgħu jiġu żgurati u l-assistenza mogħtija.

• It-taffa tal-miżuri relatati mal-pandemija, bil-ftuħ imminenti tal-punti tad-dħul, ikomplu jxejnu kwalunkwe raġuni għaż-żamma tal-migranti fl-ibħra miftuħa.

• Iż-żamma attwali tal-migranti fuq bastimenti mhijiex sostenibbli jew soluzzjoni għat-tul, u tiddegrada l-ħajja umana għal sempliċi munità ta’ skambju, għall-użu kontra l-kontrapartijiet Ewropej tagħna; sinjal tal-falliment diplomatiku.

Għalhekk, il-KSU qed isejjaħ għall-iżbarkar immedjat tal-migranti abbord il-bastimenti privati, bit-tama li dawn il-prassi illoġiċi ma jiġux invokati fil-futur.