Coronavirus Festi Kultura Lokali Parlament

Il-Parlament ifakkar l-irvellijiet tas-Sette Giugno

Iċ-ċeremonja tat-tqegħid tal-fjuri fi Pjazza San Ġorġ saret bl-osservanza tad-distanza soċjali

Is-Sibt filgħodu fi Pjazza San Ġorġ il-Belt saret iċ-cerimonja tat-tqegħid tal-fjuri quddiem il-monument tas-Sette Giugno, immexxija mill-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti, Anġlu Farrugia. Iċ-ċeremonja kellha tieħu verżjoni mqassra din is-sena u b’osservanza tad-distanzi soċjali minħabba r-restrizzjonijiet tal-COVID-19.

Mal-wasla tal-Kap tal-Oppożizzjoni, Adrian Delia, l-iSpeaker tal-Kamra, Anġlu Farrugia, u l-Prim Ministru, Robert Abela, ingħata bidu għat-tifkira nazzjonali bid-daqq tal-Last Post mill-kurunettisti tal-banda tal-Korp tal-Pulizija segwita b’minuta silenzju għall-vittmi tal-irvellijiet li seħħew 101 sena ilu.

Il-minuta silenzju nkissret bid-daqq ta’ Reveille biex wara l-Ispeaker poġġa kuruna tal-fjuri f’riġlejn il-monument tas-Sette Giugno kif ghamlu wkoll il-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni.

Ritratt: DOI

Intant, f’diskors irrekkordjat mill-Parliament, li xxandar qabel iċ-ċeremonja fuq ix-xandir nazzjonali, l-iSpeaker, Anġlu Farrugia qal li l-pandemija tal-COVID-19 ma waqqfitx lill-Parlament mill-jikkomemora dan il-jum storiku iżda b’differenza:

Dan ma jfissirx li aħna m’għandniex infakkru dak li għadda minnu l-poplu Malti u Għawdxi fil-ġrajjiet tas-Sette Giugno u wkoll nixtarru minn xiex għaddejna minn dak iż-żmien sabiex qatt ma ninsew minn fejn tlaqna u nieħdu direzzjoni aħjar għall-futur ta’ pajjiżna.”

Ritratt: DOI

L-iSpeaker għażel li jiddedika parti mid-diskors għall-kriżi politika li fiha rajna r-riżenja ta’ Joseph Muscat,. Kontra għal dak li qal, meta impedixxa ċittadini Maltin milli jidħlu fil-Parlament biex jikkontrolla t-tensjoni, jirriżulta li qatt ma nqala’ inkwiet fl-iStrangers Gallery, minkejja l-protesti barra l-Parlament u l-Oppożizzjoni kienet oġġezzjonat għal din id-deċiżjoni li ħa mingħajr il-qbil tagħha.

Sadattant, wara t-tqegħid tal-fjuri fil-Belt Valletta, l-iSpeaker, flimkien ma’ rappreżentanti tal-familjari tal-vittmi kif ukoll membri mill-Kumitat Nazzjonali, sellmu lill-vittmi tas-Sette Giugno u qiegħdu kuruni fuq il-qabar tagħhom fiċ-Ċimiterju Marija Addalorata f’Raħal il-Ġdid.

Erba’ Maltin, Manuel Attard minn Tas-Sliema, lill-Għawdxi Giuseppe Bajada, lil Lorenzo Dyer mill-Birgu u lil Carmelo Abela mill-Belt, ċarċru demmhom fl-irvellijiet li kienu waslu biex il-Maltin ingħataw waħda mill-aqwa Kostituzzjonijiet mill-Gvern Ingliż ta’ dak iż-żmien.

Ritratt: DOI