Lokali

“Is-sid tal-bank Pilatus għandu jaffaċċja l-ġustizzja f’Malta” – PN

Il-Partit Nazzjonalista jappoġġja bis-sħiħ is-sejħa tal-familja Caruana Galizia sabiex Ali Sadr Hasheminejad, is-sid tal-bank Pilatus, jiġi minnufih estradit lejn Malta mill-Istati Uniti tal-Amerika u jaffaċċja l-ġustizzja f’pajjiżna.

Fil-proċeduri quddiem il-Qorti fl-Istati Uniti, d-Dipartiment tal-Ġustizzja Amerikan sostna li Ali Sadr Hasheminejad għamel użu minn flus ġejjin mill-kriminalità biex waqqaf il-bank Pilatus f’Malta.

Il-Partit Nazzjonalista permezz ta’ stqarrija fakkar li skont rapport tal-FIAU, Keith Schembri kien ħa interess partikolari biex Ali Sadr Hasheminejad ingħata l-liċenzja għall-bank Pilatus u wara l-istess Keith Schembri fetaħ kont fl-istess bank. Dan il-kont intuża minn Keith Schembri biex jirċievi flus li kienu ġejjin mit-tixħim mill-bejgħ tal-passaporti lil tliet ċittadini Russi. Keith Schembri uża wkoll il-kont tiegħu fil-bank Pilatus biex jirċievi ħlasijiet mingħand Adrian Hillman, l-eks direttur maniġerjali ta’ Allied Newspapers. Joseph Muscat, Michelle Muscat u Keith Schembri saħansitra kienu l-mistednin speċjali għat-tieġ ta’ Ali Sadr Hasheminejad li sar f’Venezja fis-sena 2015.

Fl-istqarrija ffirmata minn Jason Azzopardi, Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ġustizzja u Karol Aquilina, Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Governanza Tajba, Tisħiħ tad-Demokrazija, għaċ-Ċittadinanza u r-Riforma tas-Servizz Pubbliku, il-Partit Nazzjonalista saħaq li t-twaqqif u l-operat tal-bank Pilatus minn Ali Sadr Hasheminejad għamel ħsara enormi lir-reputazzjoni ta’ pajjiżna fis-settur bankarju u finanzjarju u poġġa f’riskju serju eluf ta’ postijiet tax-xogħol.

Quddiem dan kollu, qal il-Partit Nazzjonalista, pajjiżna m’għandux iħalli lil Ali Sadr Hasheminejad jaħrab mill-ġustizzja iżda għandu jagħmel dak kollu possibbli biex huwa jwieġeb għall-ħsara li għamel lir-reputazzjoni ta’ pajjiżna bil-kompliċità u l-protezzjoni ta’ Joseph Muscat u Keith Schembri. Il-Prim Ministru Robert Abela ma jistax jibqa’ ċass quddiem dan kollu.

L-istqarrija ttemm tgħid li Robert Abela jrid jagħżel bejn li jiddefendi l-interess u r-reputazzjoni ta’ pajjiżna kif inhu l-obbligu tiegħu li jagħmel jew li jħalli lil Ali Sadr Hasheminejad jaħrab biex jibqa’ jiddefendi lil Joseph Muscat u lil Keith Schembri.