Ekonomija Lokali

AĠĠORNATA: Is-sitwazzjoni dalwaqt issir “tad-daħk”

Ħafna mużiċisti, fotografi u caterers qed jistaqsu domandi dwar it-tiġijiet

Il-fotografu popolari Rene’ Rossignaud esprima pubblikament il-frustrazzjoni tiegħu għall-fatt li mill-bieraħ erġajna bdejna naraw “folol” jinġabru f’diversi lokalitajiet sinonimi mad-divertiment; fosthom il-Belt u San Ġiljan.

F’kummenti fuq Facebook, Rossignaud saqsa għaliex mhux jitħallew tiġijiet isiru meta xorta waħda qed ikollna postijiet varji fejn qed jinġabru 200 ruħ f’daqqa biex jixorbu.

Minn naħa tiegħu, id-dulċier Pawlu Borg Bonaci qal li hemm bżonn li l-awtoritajiet jisimgħu il-karba tal-mużiċisti, il-caterers u l-koppji li jridu jiżżewġu fix-xhur li ġejjin. “Jekk l-affarijiet irritornaw għan-normal, għaliex mhux għal kulħadd?”, staqsa Borg Bonaci fuq Facebook.

F’ritratti li qed iduru fuq il-media soċjali, anke fiz-zona ta’ San Ġiljan u Tas-Sliema inġabru gruppi kbar ta’ nies bla maskri. U huwa propju dan li wassal biex nies fl-industrija mużikali u li jaħdmu f’tiġijiet, staqsew għaliex huma mhux jitħallew jaħdmu bħal ħaddieħor ġaladarba xorta qed inħallu dawn it-tip ta’ ġemgħat.

“Din is-sitwazzjoni issa saret tad-daħk”, qal Rossignaud. “Jien tlift ix-xogħol kollu. Allura ħallu t-tiġijiet ikomplu”.