Lokali

L-ALPA takkuża lill-Air Malta b’allegazzjonijiet infundati intiżi biss biex jostru l-verità

Fl-ewwel reazzjoni tagħha wara l-aħbar li l-Air Malta se tkeċċi 69 bdot, l-Assoċċjazzjoni tal-Bdoti, l-ALPA ddeskriviet bħala indundati l-allegazzjonijiet li għamlet l-Air Malta u intiżi biss biex jostru verità li se toħroġ inevitabilment.

L-ALPA kienet qed tirreferi għall-istqarrija tal-linja Nazzjonali li kienet tgħid li d-diskssjoniijet bejn iż-żewġ partijiet dwar il-futur tal-bdoti kienu fallew minħabba nuqqas ta’ koperazzjoni minn naħa tal-Assoċjazzjoni. Xi ħaġa li l-linja tal-ajru qalet li ma ħallitilhiex għażla ħlief li tkeċċi 69 bdot.

L-ALPA qalet li din id-deċiżjoni waslet bħala sorpriża, aktar w’aktar għax kienet ħasbet li kien qed isir progress fil-laqgħat li kienu qed isiru b’mod regolari bejn il-bdoti u l-Air Malta.

L-Assoċjazzjoni qalet li hi dejjem żammet l-aħjar interess tal-membri, u bl-intenzjoni li tkun żgurata l-prosperità u l-viabiltà tal-linja tal-ajru Nazzjonali. Hi għamlet proposti konkreti, inkluż miżuri ta’ tnaqqis fl-infieq, fi sforz li tissaħħaħ is-sitwazzjoni ekonomika tal-kumpanija.

L-ALPA qalet li kienu għaddejjin diskussjonijiet bejnhom u l-Air Malta sa kmieni dil-ġimgħa, fl-isfond ta’ assiguarzzjoni miċ-Chairmain tal-Kumapanija Charles Mangion li l-ebda impjieg ma jintilef dment li kienu għadhom għaddejjin it-taħditiet. Din l-assigurazzjoni saret ukoll wara li kienu rċevew kummenti pożittivi kemm mingħand Charles Mangiogn kif ukoll mill-Ministru tal-Ekonomija Silvio Schembri.

L-Assoċjazzjoni tal-Bdoti qalet li tul l-aħħar laqgħa fit-2 ta’ Ġunju, huma ġew mgħarrfa li se jkunu qed jingħataw dati għal aktar laqgħat sabiex ikomolu d-diskussjonijiet.

L-ALPA temmet l-istqarrija tagħha billi qalet li t-tkeċċija ta’ numru ta’ bdoti se tkun b’detriment tal-futur tal-linja tal-ajru. u li d-deċiżjoni tal-Air Malta li tkompli għaddejja b’dan il-proċess tixhed kif il-pandemija tal-Covid-19 qed tintuża bħala skuża biex il-kumpanija toħroġ mill-kundizzjonijiet preżenti ta’ mpjieg tal-ħaddiema, filwaqt li tibqa’ żżomm lil dawk fl-ogħla karigi tal-kumpanija komdi bil-pagi ġenerużi. Dan meta l-istess kumpanija qed tirrifjuta li tiddiskuti l-proposta tal-ALPA li lesti jaċċettaw tqaċċit ta’ 50% tal-paga għall-perjodu tal-pandemija.