Internazzjonali

L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa issa qed tħeġġeġ l-użu tal-maskri fil-pubbliku

L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa fl-aħħar sigħat marret lura fuq dak li kienet ilha tgħid ix-xhur u ħarġet tħeġġeġ l-użu tal-maskri f’postijiet pubbliċi, speċjalment fejn hu diffiċli li tiżamm id-distanza soċjali.

Id-Direttur Ġenerali tad-WHO Tedros Adhanom Ghebreysus qal li l-organizzazzjoni kienet qed tbiddel ir-rakkomandazzjonijiet tagħha u issa qed tgħid li l-użu tal-maskri f’postijiet fejn għad hemm firxa tal-Covid-19 huwa importanti.

Dan wara li għal ġimgħat sħaħ tul l-imxija tal-virus madwar id-dinja, l-istess għaqda baqgħet tinsisti kontra l-użu tal-maskri mill-pubbliku.

B’mod specjali, persuni ta’ ‘l fuq minn 60 sena jew b’kundizzjonijiet mediċi għandhom jużaw il-maskra fil-pubbliku, skont id-WHO.

Il-programm ta’ ġrajjiet kurrenti fuq Net TV, Net Live sa mill-bidu tal-pandemija segwa mill-qrib id-diskussjonijiet dwar l-użu tal-maskri u fl-aħħar ġimgħat kellu diversi mistiedna li tkellmu dwar l-importanza tagħhom, fosthom Vojtech Petracek, ir-Rettur tal-Università Teknika ta’ Praga, li kien voċiferu ferm dwar l-użu tal-maskra bħala mezz ta’ mitigazzjoni fil-firxa tal-Covid-19.

Sal-lum, id-WHO kienet qed tirrakkomanda l-użu tal-maskri biss għall-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa, dawk morda bil-virus u dawk li qed iduru bihom.