Lokali

“L-Universita’ Amerikana ta’ Malta tibqa’ tinsisti li toħnoq l-ispazji miftuħa tal-Kottonera” – PN

Il-Partit Nazzjonalista permezz ta’ stqarrija mill-ġdid juri solidarjeta’ u jagħti l-appoġġ tiegħu lin-nies tal-Kottonera li qed juru t-tħassib u l-għadab tagħhom għall-proġett tal-Universita’ Amerikana ta’ Malta.

Filwaqt li l-appell dwar il-campus tal-Kottonera tal-Universita’ Amerikana ta’ Malta li suppost kellu jinstema’ l-Ħamis ma nstemax, l-Universita’ Amerikana bl-appoġġ tal-Gvern se tkompli tinsisti biex tiġi żviluppata art li se tgħatti s-swar u toħnoq l-ftit ispazju miftuħ fil-Kottonera.

Dan il-proġett tal-ispekulatur Ġordaniż Sadeen, li ma kellu l-ebda esperjenza fil-qasam edukattiv, kien ħa ftit minuti biss biex ikkonvinċa lill-Gvern biex jagħti l-barka tiegħu għalih, u speċjalment il-qerda ta’ spazji miftuħa Maltin. Imma sal-lum minkejja li għaddew snin l-eluf ta studenti barranin mwiegħda fuq il-campus għadhom ma dehrux.

L-istqarrija kienet iffirmata minn Kevin Cutajar, Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Artijiet, il-Kostruzzjoni u Ippjanar Sostenibbli, Clyde Puli Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni u t-Tiġdid tad-Dinja tax-Xogħol u d-Djalogu Soċjali Parteċipattiv u Malcolm Gatt Minority Leader Kunsill Lokali Isla