Internazzjonali

Mistennija protesta kbira f’Washington kontra l-qtil ta’ Floyd

Folol kbar huma mistennija jipprotestaw f’Washington DC aktar tard illejla kontra r-razziżmu u l-brutalità tal-pulizija. Dan fost rabja dejjem tikber fl-Istati Uniti minħabba l-assassinju tal-Afro-Amerikan George Floyd.

Floyd miet f’Mineapolis fil-25 ta’ Mejju, wara li pulizija poġġa’ l-irkoppa fuq għonqu u ma setax jieħu n-nifs.

Il-Pulizija qed tgħid li dak tas-Sibt “jista’ jkun wieħed mill-ikbar rallies li qatt kellna fil-belt” – protesta kontra l-atti razzisti li qed iseħħu wkoll f’pajjiżi oħra.

Illum, il-Pjazza tal-Parlament fiċ-ċentru ta’ Londra kienet ukoll mimlija nies li jappoġġjaw il-moviment ‘Black Lives Matter’, minkejja sejħiet mill-gvern Ingliż biex ma jsirux attivitajiet tal-massa minħabba l-biża’ li jinxtered il-Coronavirus.

Dimostrazzjoni oħra kbira saret fiċ-ċentru ta’ Manchester.