Coronavirus Futbol Sport

“Naħdmu biex jirritornaw il-partitarji fl-istadiums”- Gianni Infantino, President tal-FIFA

(Ritratt: EPA)

F’messaġġ mill-President tal-FIFA Gianni Infantino, indirizzat lil 211 federazzjoni tal-FIFA qal li flimkien il-federazzjonijet kollha jridu jaħdmu biex il-partitarji jirritornaw fl-istadiums fl-inqas żmien possibli iżda bl-aktar mod sigur.

Infantino qal li l-futbol mingħajr partitarji m’huwiex l-istess iżda kompla li fl-istess waqt l-federazzjonijiet, iridu jistennew il-mument opportun biex jiftħu l-istadiums tagħhom għall-partitarji. Il-President tal-FIFA, tkellem ukoll dwar pjan finanzjarju biex jgħin il-futbol. Il-‘Pjan Marshall’ huwa pjan finanzjarju li se jitressaq quddiem il-Kunsill tal-FIFA fil-ġimgħat li ġejjin biex jgħin il-logħba tal-futbol tirkupra wara l-pandemija tal-coronavirus.

Hu kompla li dan il-pjan mhux biss se jinkuldi l-futbol professjonali fuq bażi ta’ klabbs iżda se jkun qiegħed jgħin ukoll lil futbol femminili, dak nazzjonali u dak taż-żgħażagħ. “Dan il-pjan se jkun pjan modern effiċjenti u trasparenti” kompla Infantino. Fil-messaġġ tiegħu, Infantino tkellem dwar il-kalendarju tal-partiti internazzjonali, fejn qal li wara numru ta’ diskussjonijiet ma’ dawk kollha involuti, fiż-żmien li ġej il-FIFA se tkun f’pożizzjoni li tippreżenta kalendarju li jieħu f’konsidirazzjoni l-isfidi u l-bżonnijiet ta’ kull federazzjoni.

Fil-konklużjonijiet tal-messaġġ tiegħu, il-President tal-FIFA Gianni Infantino qal li fil-ġimgħat li ġejjin se jkun qiegħed jistieden lill-membri tal-assoċjazzjonijiet kollha tal-FIFA biex jiddiskutu u jaqsmu l-opinjoni tagħhom dwar il-futur tal-partiti internazzjonali u l-kompetizzjonijiet rispettivi.