Lokali

OPINJONI: Fl-‘aqwa żmien’…it-teenagers Maltin l-inqas sodisfatti fl-Ewropa

Artiklu miktub minn Victor Camilleri

Ftit tal-jiem ilu ltqajt ma’ aħbar fil-gazzetta Irlandiża Irish Times li mill-ewwel ġibditli l-attenzjoni. It-titlu kien Life satisfaction for Irish teens ranked amongst lowest in Europe.

U malli bdejt naqra l-kontenut ħadt sorpriża xejn pjaċevoli.

L-introduzzjoni kienet din:

Irish teenagers are amongst the least satisfied with life compared to their counterparts in 45 countries, according to a major new study. The country’s 15-year-olds ranked second from the bottom when it came to life satisfaction in a table of European countries, above only Malta.

Kien ovvju li wara li sirt naf dak il-ħjiel infittex x’kien dan il-major new study u x’kienet eżatt il-pożizzjoni ta’ pajjiżna. Sibt li dan hu rapport li l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (Taqsima Ewropa) torganizza kull erba’ snin fost 44 pajjiż/reġjun Ewropew u –magħhom il-Kanada, bit-titlu Health Behaviour in School-aged Children, li jidħol fid-dettall dwar numru kbir ta’ aspetti tas-saħħa ta’ tfal bejn il-11 u l-15-il sena f’dawn il-pajjiżi.

Fost in-numru kbir ta’ mistoqsijiet lil dawn it-tfal u ż-żgħażagħ hemm dik dwar kemm huma sodisfatti b’ħaj-jithom.

Ir-riżultati pubblikati juru li ż-żgħażagħ Maltin ta’ 13 u 15-il sena spiċċaw fl-aħħar tal-klassifika minn fost 45 pajjiż.Meta r-rapport irrefera għal din il-mistoqsija partikolari jingħad li filwaqt li fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi ma kienx hemm ċaqliqa fl-erba’ snin bejn l-2014 u l-2018, kien biss fil-każ ta’ Malta u pajjiż ieħor biss, li dan is-sodisfazzjon naqas. 

Dan ir-rapport hu frott ta’ intervisti li saru ma’ eluf ta’ żgħażagħ fosthom 1,500 student Malti u f’pajjiżna tmexxa mill-awtoritajiet tas-saħħa. Żgur li mhux ir-riżultat li kulħadd jixtieq. 

■ Fil-ħarġa ta’ għada ta’ il-mument se nagħti ħarsa ġenerali lejn ir-riżultati dwar it-tfal u ż-żgħażagħ Maltin kif joħorġu minn dan ir-rapport.