Lokali

“Politika tal-persważjoni mhux tal-arroganza” – Adrian Delia

Għall-Gvern iktar minn 7,000 ħaddiem bla xogħol u l-familji tagħhom ma jeżistux

Qegħdin infasslu l-politika tagħna tal-futur biex inwasslu politika li tkun verament min-nies għan-nies

 “In-numri li jinkwetawni huma dawk il-11,000 persuna li m’għandhomx xogħol u meta l-Gvern joħroġ stqarrijiet b’informazzjoni ħażina jikkwota biss dawk li qegħdin jirreġistraw għax-xogħol u juri insensittivita’ kbira meta għalih 7,000 ħaddiem bla xogħol u l-familji tagħhom ma jeżistux. Aħna għandna l-obbligu li bħala Oppożizzjoni niġu lkoll flimkien mal-istakeholders kollha dwar il-mejda tad-diskussjoni biex nindirizzaw it-tbatijiet ta’ dawk li tilfu xogħolhom u min mhux jasal sal-aħħar tax-xahar.”, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta kien intervistat mill-ġurnalist tal-Orizzont u t-Torċa Matthew Charles Zammit. 

Adrian Delia qal li bħala Oppożizzjoni qegħdin inkunu proattivi u mhux nikkritikaw biss għaliex meta hawn 11,000 persuna li m’għandhomx xogħol, għandna l-obbligu li nitkellmu għalihom u li noħorġu wkoll bl-ideat u l-proposti sabiex inwasslu l-messaġġ ta’ tama u kuraġġ lilhom, lill-familji tagħhom u lin-negozji li flimkien nistgħu nindirizzaw id-diffikultajiet li qegħdin jaffaċċjaw. Huwa qal li l-PN lbieraħ ħabbar il-pjan ta’ ħidma tal-politika tiegħu imsejsa fuq 4 temi orizzontali u b’14-il clusters li jinkludu deputati, esperi u uċuħ ġodda biex infasslu l-politika min-nies għan-nies.

Politika ġdida u friska fejn inwarrbu l-politika tribali u minflok nisimgħu lin-nies, nitkellmu magħhom, niddiskutu u nħeġġu lil kull min huwa ta’ rieda tajba biex jipparteċipa, jwassal l-ideat tiegħu biex ikun parti mill-bidla li rridu nagħmlu lkoll flimkien. Adrian Delia qal li jrid politika tal-perswazzjoni u mhux tal-arroganza u fejn il-PN żbalja fil-passat nirrikonoxxuh u nammetti għaliex m’għandniex d-dritt li niggvernaw iżda għandna l-obbligu wkoll li nibnu fuq it-tajjeb kollu li għamlu Gvernijiet Nazzjonalisti, li biddlu l-wiċċ ta’ pajjiżna, biex naspiraw li nkunu politiċi għan-nies fejn inħossu l-polz tan-nies imweġġgħin, nimbuttawhom biex jerġgħu jqumu fuq saqajhom wara dan iż-żmien diffiċli tal-pandemija u nuru li verament aħna gvern alternattiv. Huwa qal li inutli l-Gvern jiftaħar bis-surplus meta hawn persuni li qegħdin ibatu u ħafna li mhux jaslu sal-aħħar tax-xahar u meta l-għajnuna li kienet qed tingħata se tinqata wkoll.

Il-PN għax propożittiv ma qadx jikkritika biss u mill-Oppożizzjoni ħareġ bil-Pjan għall-Malta, b’10 pilastri li fuqhom għandna nibnu l-irkupru ekonomiku wara l-COVID-19 u nindirizzaw id-diffikultajiet tan-nies, għax nemmnu fil-poplu tagħna. 

Il-Kap tal-PN qal li mill-ewwel ġurnata appoggjajna d-direttivi tal-Awtoritajiet tas-Saħħa għaliex irid ikollna poplu b’saħħtu biex ikollna ekonomija b’saħħitha. Dawn imorru id f’id u mhux kontra xulxin, iżda l-Prim Ministru Robert Abela tkellem bil-kontra tad-Deputat Prim Ministru Chris Fearne u s-Supretendent tas-Saħħa Charmaine Gauci u jbeżża bil-house arrest meta kien hemm il-ħtieġa li noqgħodu d-dar u jgħidilna li l-mewġ qiegħed biss fil-baħar, li rridu niċċelebraw u noħorqu u meta l-Ministri għall-Finanzi Edward Scicluna u l-Ekonomija Silvio Schembri wrew li kienu insensittivi lejn it-tbatijiet ta’ min iħaddem u tan-negozji Maltin u Għawdxin.

Adrian Delia qal li fil-Parlament ippreżenta stqarrijiet tal-għaqdiet mediċi u kienu xxokjati bl-attitudni ta’ Robert Abela meta għad hawn ir-riskji relatati mal-virus u wara li l-poplu b’dedikazzjoni u dixxiplina obda d-direttivi tal-Awtoritajiet tas-Saħħa biex ksibna r-riżultati tal-lum. Huwa qal li l-Oppożizzjoni kkritikat fejn kien hemm il-ħtieġa meta l-Gvern kien reattiv u selettiv, meta għedna li l-Gvern kellu jagħlaq l-ajruport u l-portijiet u dam ġimgħa meta stajna evitajna l-ewwel każijiet impurtati, meta għedna li kellhom jingħalqu l-iskejjel u l-Gvern dam biex iddeċieda.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li matul l-imxija tal-COVID-19, l-Oppożizzjoni ressqet ammont kbir ta’ proposti konkreti, li sabu l-appoġġ tal-imsieħba soċjali u b’ħafna minnhom għażel li jimplimentahhom il-Gvern stess. Dwar l-immigrazzjoni Adrian Delia qal li din m’għandux tkun ballun politika meta hemm il-ħajjiet tal-persuni iżda huwa wkoll evidenti li l-Ewropa mhix tagħmel biżżejjed u filwaqt li pajjiżna għandu jħares ir-regoli internazzjonali, l-Unjoni Ewropea għandha tagħtina iżjed għajnuna u kien għalhekk li kiteb lill-President tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) Joseph Daul u ltaqa’ b’mod virtwali mal-Kummissarju Ewropew għall-Immigrazzjoni.

Huwa qal li Robert Abela iżda m’għandux il-kredibbilta’ biex imur jiddiskuti u jinnegozja fl-Ewropa meta l-Gvern Laburista kisser ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna u meta jixxandru videos tal-immigranti mħeġġa jitgħallmu u jkantaw l-innu tal-Labour, lanqas  ma nkunu qegħdin inwasslu messaġġ tajjeb. 

Mistoqsi dwar id-deċiżjoni tal-Qorti fuq inkjesta dwar l-AFM, il-Kap tal-PN qal li hija ħasra kif fuq inkjesti oħrajn fuq politiċi li dwarhom hemm allegazzjonijiet serjissimi u li issa huma għaddejjin tliet snin ma kienx hemm l-istess ħeffa u għad m’għandiex ir-riżultat tagħhom. Adrian Delia qal li meta qegħdin isiru allegazzjonijiet serji fil-Qorti dwar id-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista Chris Cardona, Robert Abela għandu ħafna xi jwieġeb u għandu jgħidilna jekk daħalx jew spiċċa daħħluh f’patt imxajtan. Dan meta pajjiżna għandu jkollu politiċi li lesti li jisimgħu lin-nies u li joffru l-alternattivi reali biex ħajjithom verament tirritorna għan-normal.