Lokali

“Skiet itarrax mill-Gvern” – PN

Quddiem l-allegazzjonijiet serji ta’ tixħim, abbuż u indħil politiku fil-ħidma tal-Pulizija, l-Gvern ta’ Robert Abela għandu ħafna għalxiex iwieġeb. Dan qalu l-Partit Nazzjonalista permezz ta’ stqarrija ffirmata mid-deputat Beppe Fenech Adami, Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Ġlieda kontra l-Kriminalità, flimkien ma’ Graziella Galea.

Il-bieraħ filgħaxija f’intervista li xxandret fil-portal ‘Lovin Malta’ ġie żvelat illi hemm każijiet ta’ abbuż, tixħim, ksur tal-liġi u indħil politiku f’diversi oqsma u fergħat tal-Pulizija oltre’ dawk diġà żvelati li seħħew fit-taqsima tat-traffiku fil-Korp.


Fl-intervista jingħad li kien hemm indħil minn Ministri, politiċi u minn uffiċjali għolja tal-Korp sabiex ma jittieħdux passi kriminali kontra persuni diġà mħarrka.

L-istqarrija tgħid li fl-intervista jingħad illi l-Korp tal-Pulizija huwa mnawwar bl-abbuż u korruzzjoni minn fuq s’isfel. Jingħad illi fil-Korp tal-Pulizija llum hemm sitwazzjoni fejn ta’ taħt  jiġi ordnat jgħatti lil ta’ fuqu, u ta’ fuqu jgħatti li dak ta’ fuqu biex l-abbuż ma jinkixifx, biex l-abbuż jibqa’ għaddej, biex l-abbuż jibqa’ mistur.

Barra minnhekk isiru allegazzjonijiet serji fil-konfront ta’ Aġent Kummissarju li b’mod partiġġjan ħeġġeġ l-appoġġ u lealtà lejn il-Partit Laburista li ‘tant iħobb’ fil-ħidma tal-pulizija. Isiru allegazzjonijiet serji fil-konfront tal-Assistant Kummissarju.


Il-Partit Nazzjonalista qal li dawn l-allegazzjonijiet jitolbu spjega u jeħtieġu risposta. Il-ħafna pulizija onesti jippretendu illi dawn l-allegazzjoni serji jiġu investigati, kompliet tgħid l-istqarrija. Mal-ħażin m’għandux jeħel it-tajjeb. L-iskiet tal-Gvern ta’ Robert Abela quddiem allegazzjonijiet serji bħal dawn ikomplu jnaqqsu l-fiduċja tal-poplu fil-Korp tal-Pulizija tagħna.