Futbol Sport

Valletta jilħqu ftehim ma’ Tedesco biex iġedded il-kuntratt tiegħu

(Ritratt: vallettafc.net)

Tard illejla, Valletta ħabbru li laħqu ftehim mal-kowċ tagħhom Giovanni Tedesco biex jestendi l-kuntratt tiegħu. Tedesco mistenni jiffirma kuntratt ta’ sena fil-ġranet li ġejjin bit-tim ta’ Valletta jilqa’ din l-aħbar b’sodisfazzjon. Hu ssieħeb ma’ Valletta f’ Frar li għadda fejn sa meta l-kampjonat twaqqaf minħabba l-pandemija tal-coronavirus, Tedesco kiseb rebħiet kontra Gżira United u Gudja United fil-kwarti finali tal-FA Trophy u telfa kontra l-istess Gudja United fil-Kampjonat Premier.

Aktar kmieni dan ix-xahar qamet spekulazzjoni dwar il-futur tal-istess kowċ, wara intervistà ma’ sit Taljan. Tedesco ġie kkwotat jgħid li jekk wara d-diskussjonijiet ma’ Valletta, ma jilħaqx ftehim dwar kuntratt ġdid hu jkun lest li jħalli pajjiżna u jibda avventura fl-Italja. Il-kowċ ta’ 48 sena kellu bosta esperjenzi f’pajjiżna fosthom ma’ Floriana, Birkirkara, Ħamrun Spartans u Gżira United.