Internazzjonali

Awstralja: imut wara li ġie wiċċ imb’wiċċ ma’ kelb il-baħar

Sors: BBC

Surfer miet fl-Awstralja wara li ġie wiċċ imb’wiċċ ma’ kelb il-baħar u gidimlu saqajh il-Ħadd fl-10 ta’ filgħodu, ħin lokal.

L-inċident seħħ fin-naħa ta’ fuq ta’ Sydney fejn kien hemm kelb il-baħar magħruf bħala great white shark ta’ madwar tliet metri.

Ir-raġel, li kellu bejn 50 u 60 sena ttella’ fuq l-art minn persuni oħra li kienu fil-qrib. Sfortunatament, hu miet ftit tal-ħin wara fuq il-post minħabba l-gravità tal-feriti. Jidher li wara li attakka l-koxxa x-xellugija tar-raġel, il-kelb il-baħar beda jdur f’ċirku mal-persuni li marru jgħatu l-għajnuna tagħhom. Filwaqt li ħataf surfing board ta’ surfer ieħor, l-ebda persuna oħra ma sfat vittma.

Għad ta’ pulizija marru fuq il-post fejn ordnaw għad ta’ persuni li kienu fil-baħar biex jitilgħu fuq l-art filwaqt li oħrajn bdew tfittxija biex isibu u joqtlu l-kelb il-baħar. Madanakollu, dan laħaq ħarab miż-żona xi sigħat wara li seħħ l-inċident. Il-Pulizija fl-Awstralja għandhom id-direzzjoni li joqtlu kelb il-baħar jekk dan ikun ta’ theddida għall-bnedmin.

Dan kien it-tielet attakk fatali minn kelb il-baħar fl-ibħra Awstraljani matul din is-sena.