Sport Sport Ieħor

Conor McGregor iħabbar li rtira mill-UFC għat-tielet darba fil-karriera

(Ritratt: EPA)

Id-darbtejn champion tal-UFC Conor McGregor ħabbar li rtira għat-tielet darba f’erba’ snin. L-Irlandiż ta’ 31 sena kiseb 22 rebħa f’26 ġlieda u l-aħħar ġlieda tiegħu kienet f’Jannar ta’ din is-sena. Dakinhar f’Las Vegas hu għeleb lill-Amerikan Donald ‘Cowboy’ Cerrone f’40 sekonda.

McGregor kien irtira fl-2016 u fl-2019 iżda kien irritorna fl-octagon fiż-żewġ okkażjonijiet. F’Awwissu tal-2017 kien anki ġġieled ġlieda boxing iżda tilef kontra l-ħames darbiet champion tad-dinja tal-heavyweight Floyd Mayweather. L-Irlandiż ħabbar id-deċiżjoni fuq twitter, bil-President tal-UFC Dana White tistqarr li ma kinitx taf minn qabel b’din id-deċiżjoni, iżda saret taf meta persuna qrib tagħha, uriha l-kitba ta’ McGregor fuq il-media soċjali.

McGregor ingħaqad mal-UFC fl-2013 u rnexxielu jikseb it-titli fil-kategoriji featherweight u lightweight biex sar l-ewwel raġel li kellu dawn iż-żewġ titli fl-istess ħin. Hu tilef dawn it-titli wara li naqas jiddefendihom.

Wara li kien irtira għall-ewwel darba fl-2016, McGregor irritorna f’Ottubru tal-2018 biex tilef kontra Khabib Nurmagomedov fi ġlieda għat-titlu lightweight tal-UFC. Il-ġlieda ta’ din is-sena kontra Cerrone kienet waħda mill-aktar prestazzjonijiet spettakolari, f’dik li kienet l-ewwel rebħa fl-octagon minn meta rebaħ it-tieni titlu dinji fl-2016.