Coronavirus Internazzjonali

COVID-19: Aktar minn 400,000 mejtin madwar id-dinja

Il-Johns Hopkins University tal-Istati Uniti kkonferma li l-ammonti ta’ persuni kkonfermati li mietu bl-infezzjonijiet tal-Covid-19 issa qabżu l-400,000 madwar id-dinja.

Sadanittant, l-aħħar statistika miġbura minn Johns Hopkins żvelat li n-numru ta’ infezzjonijiet ikkonfermati, fuq skala globali, huma qrib ħafna s-seba miljuni.

L-Istati Uniti għandha l-akbar numru ta’ każi tal-Covid-19 li jammontaw għal madwar 30 fil-mija mill-ammont globali. L-istess pajjiż għandu wkoll l-akbar numru ta’ vittmi, li huma ekwivalenti għal kważi 30 fil-mija tal-mejtin mill-coronavirus ġdid, fid-diversi bnadi tad-dinja.

Wara l-Istati Uniti, l-akbar numri ta’ infezzjonijiet jinsabu fir-Renju Unit u l-Brażil, rispettivament.

Fl-Ewropa, l-Italja, Franza u Spanja wkoll intlaqtu ħażin ħafna, iżda n-numri traġiċi bdew jinżlu fl-aħħar ġranet.

Dan waqt li fiċ-Ċina – il-pajjiż fejn feġġ il-virus – iċ-ċifra tal-imwiet uffiċjali hi stabbilita madwar l-4,600 minn fost  xi 84,000 każ ta’ infezzjoni konfermati.

Madankollu, il-kritiċi qed jiddubitaw ‘bil-kbir’ kemm wieħed jista’ joqgħod fuq l-istatistika uffiċjali provduta miċ-Ċina.

Sadanittant, l-awtoritajiet fil-Brażil neħħew id-data dwar il-virus li kienet ilha tinġabar għal xhur minn websajt tal-Gvern. Dan meta rrankat il-kritika għal kif il-Gvern – u b’mod partikulari l-President Brażiljan Jair Bolsonaro – qegħdin iwieġbu għall-pandemija, bil-Brażil jirrapporta dejjem aktar każi ta’ infezzjoni u mwiet.

Fl-istess ħin, l-esperti jemmnu li l-vera numru ta’ każi tal-Covid-19 madwar id-dinja għandu jkun ferm ogħla miċ-ċifra rappurtata.

Dan peress li ħafna nies li mhumiex qed  juru s-sintomi jew li għandhom is-sintomi ħfief baqgħu ma għaddewx mit-testijiet dovuti u, għaldaqstant, mhumiex inklużi fid-data relevanti.

Intant, twissija allarmanti ġejja mingħand il-Bank tad-Dinja, li qed jgħid li sa 60 miljun persuna ( fuq livell globali) jistgħu jispiċċaw f’morsa ta’ ‘faqar estrem’ minħabba l-konsegwenzi tal-Covid-19.