Coronavirus Futbol Sport

D’Aversa t-tielet kowċ fis-Serie A li kellu l-coronavirus

(Ritratt: EPA)

Il-kowċ ta’ Parma Roberto D’Aversa sar it-tielet kowċ mis-Serie A li kellu l-coronavirus. Hu qal li kellu ftit deni wara l-logħba kontra Spal fit-8 ta’ Marzu, xi ħaġa li hu sejjaħ bħala xi ħaġa normali ta’ kull sena. D’Aversa kompla li sar jaf li kellu l-Covid-19 meta għamel it-testijiet qabel il-bidu tat-taħriġ ta’ Parma bħala parti mill-protokoll mediku.

L-akbar inkwiet ta’ D’Aversa kien aktar minħabba l-familja aktar milli għalih innifsu. “Wara li għalqu l-iskejjel, il-mara tiegħi marret Pescara, bdejt nibża’ aktar għas-saħħa tal-ġenituri tiegħi minħabba l-età. It-tfal tiegħi fehmu waħedhom u t-tifla ż-żgħira kienet matura għaliex riedet tilbes il-maskra,” qal il-kowċ ta’ Parma f’intervista ma’ Parma Today.

Il-kowċ ta’ 44 sena tkellem li f’dan il-perjodu tal-coronavirus, ta aktar importanza lid-dar tiegħu fosthom it-terrazzin. Hu esprima wkoll ix-xewqa li kieku kull Taljan kellu l-possibbiltà li jagħmel swab tal-coronavirus. Dwar it-tkomplija tas-Serie A, D’Aversa qal li għandu sensazzjoni pożittiva minħabba li reġa’ għandhom l-opportunità li jirritornaw għan-normal u jerġgħu jitkellmu fuq il-kampjonat.