Ekonomija Ewropa Kummerċ Lokali

“Ejja Robert Abela biex flimkien bħala poplu magħqud immorru nikkonvinċu u nkunu sodi fl-Ewropa” – Adrian Delia

Il-Kap tal-PN bi stedina ċara lill-Prim Ministru biex jinża l-populiżmu u naħdmu flimkien bħala pajjiż wieħed biex insibu soluzzjoni għall-isfida tal-immigrazzjoni. Pajjiżna ma jiflaħx iġorr iktar piż.

“Robert Abela ejja mmorru flimkien fl-Ewropa bħala pajjiż wieħed magħqud u b’vuċi soda, bil-politika tal-persważjoni naslu nikkonvinċu li pajjiżna ma jistax jitħalla waħdu quddiem l-isfida tal-immigrazzjoni. Ejja mmorru flimkien magħqudin, nikkonvinċu li ma nistgħux inġorru dan il-piż kbir waħedna għall-ġdid tal-poplu kollu tagħna.”, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta kien intervistat fuq NET Television.

Adrian Delia qal li l-immigrazzjoni m’għandhiex tintuża bħala ballun politiku u li Robert Abela ma jistax jibqa’ jibbaża d-deċiżjonijiet tiegħu biex ikun popolist. Minflok għamel stedina ċara lil Robert Abela biex il-Gvern u l-Oppożizzjoni jkunu flimkien u magħqudin quddiem din l-isfida kbira għal pajjiżna biex flimkien nikkonvinċu li pajjiżna ma jistax jitħalla waħdu. Dr Delia qal li Robert Abela jemmen li s-soluzzjoni tinsab biss fil-Libja, meta fl-Ewropa hemm is-soluzzjoni u l-Gvern iridu jimbotta għaliha fil-Kunsill tal-Ministri. Għandna nuru ħniena ma’ min ikun fil-periklu, iebsin ma’ dawk li m’għandhomx dritt għall-ażil u fuq kollox ħorox mat-traffikanti tal-bnedmin li qegħdin jiggwadanjaw minn fuq it-tbatijiet tal-persuni. Il-PN jinsab lest li jagħmel il-parti tieħu biex nerġgħu nsaħħu r-reputazzjoni, nuru u nipperswadu li dan piż li ma jistgħux inġorru waħedna.

Adrian Delia qal li meta llum qegħdin infakkru l-ġrajjiet tas-Sette Giugno meta missirijietna marru l-Belt jipprotestaw u mietu għad-drittijiet tagħhom u għad-demokrazija, għandna nwarrbu l-politika tribali tal-blu u tal-aħmar, ma nattakkawx l-avversarju bħall-għadu imma nħabbtu l-ideat u l-argumenti, u minflok naħdmu biex il-politiċi verament jirrappreżentaw lill-poplu. Niġu flimkien madwar il-mejda tad-diskussjoni u flimkien mal-istakeholders kollha naraw x’inhuma l-ħtiġijiet tan-nies, l-aħjar għażliet għall-aqwa futur tal-pajjiż, għax il-popoliżmu mhix tmexxija imma d-deċiżjonijiet iebsin trid teħodhom u tikkonvinċi lin-nies b’politika mhux tal-arroganza imma tal-persważjoni.

Il-Kap tal-PN qal li l-Gvern Laburista qed joħloq sens ta’ inċertezza u mhux qed jagħti direzzjoni ċara lin-nies fejn irid li jieħu lil pajjizna post-COVID-19 u meta l-ewwel qal li ġej mini budget issa qed jgħid li ġej pakkett finanzjarju ieħor. Dan meta l-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri m’għandux viżjoni kif se jgħin verament lin-negozji, lil min iħaddem u l-ħaddiema u l-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna l-ewwel qal li l-fondi mill-Unjoni Ewropea huma bajtar tax-xewk u issa biddel fehmtu. Adrian Delia qal li l-PN ħadem permezz ukoll tal-MEPs tiegħu biex inġibu fondi u għajnuna mill-Unjoni Ewropea għal pajjiżna u ħeġġeġ biex naħdmu flimkien sabiex inġibu iktar għajnuna u naraw fejn se ninvestu f’ekonomija moderna għall-futur taż-żgħażagħ tagħna. Iżda l-Gvern nieqes mil-leadership u meta issa se tieqaf l-għajnuna lill-ħaddiema mhux qed joffri alternattivi jew inċentivi, u dan fi żmien meta ħafna familji qegħdin ibatu u mhux jaslu sal-aħħa tax-xahar. Meta l-Gvern qed jinjora għal kollox 7,000 persuna bla xogħol u l-familji tagħhom u għalih dawn ma jeżistux u jikkwota statistika kif jaqbel lilu.

Adrian Delia qal li issa huwa ċar li d-diviżjoni interna fil-Partit Laburista mhix qed tħalli lill-Gvern fit-trankwillita’ li jieħu d-deċiżjonijiet. Dan meta hija ċara l-qasma bejn Robert Abela u Chris Fearne, d-Deputat Mexxej l-ieħor Chris Cardona qed iżommuh moħbi u jgħid li qed ipoġġuh fi frame up u Joseph Muscat li suppost li telaq spiċċa reġa’ ġie. Huwa staqsa lil Robert Abela jekk dan hux patt imxajtna li daħal fih jew li daħħluh fih. Adrian Delia qal li bil-Labour fil-Gvern ma nistgħux niggarantixxu li ssir ġustizzja u wara dak li ġie żvelat fil-midja, stieden lil Robert Abela biex illum stess ineħħi lill-eks Kummissarju Lawrence Cutajar minn konsulent u għada stess jiġi investigat, jekk irid li jibqa’ kredibbilta’ li l-Korp tal-Pulizija jista’ jerġa’ jagħti s-sigurta’ liċ-ċittadini u l-ġieħ li jixraqlu.

Adrian Delia qal li l-PN minflok qed ikompli jirrijorganizza ruħu, jibni u jżid il-parteċipazzjoni tan-nies biex naraw kif mill-Oppożizzjoni nistgħu nkomplu nagħmlu l-ġid lil pajjiżna. Għalhekk ippreżentajna l-pjan ta’ ħidma b’4 temi orizzontali ewlenin u 14-il cluster b’temi wiesa’ u viżjoni għal Malta 2030, fejn irridu li nieħdu lil pajjiżna biex ikun pajjiż iktar modern, sigur u nadif f’soċjeta’ li jimpurtaha. Fejn il-politika issir min-nies għan-nies.