Lokali

“Ħadd m’għandu dritt iwassal messaġġi ta’ mibegħda” – Zammit Dimech

“Sia jekk bil-mezzi tradizzjonali u sia bil-mezzi moderni tal-midja soċjali llum, ħadd u għall-ebda raġuni m’għandu xi dritt li jwassal messaġġi ta’ mibegħda fil-konfront ta’ ħadd.

“Pajjiżna għandu leġiżlazzjoni tajba li tirregola l-messaġġi ta’ mibegħda fuq il-midja soċjali u tajjeb li din l-għodda tkun applikata aktar fil-konfront ta’ kull min jabbuża. Irrispettivament min tkun il-persuna li tabbuża.

“Tajjeb li wieħed japprezza li min jabbuża b’messaġġi ta’ mibegħda jkun qiegħed biss inissel sentimenti ta’ dispjaċir, weġgħat u dieqa… u r-riperkussjonijiet jistgħu jkunu varji.”

Dan kien il-messaġġ ta’ Francis Zammit Dimech, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, meta mistoqsi dwar id-diskorsi ta’ mibegħda li spiss qed ikunu espressi fuq il-midja soċjali.

Francis Zammit Dimech, b’erbgħin sena jimmilita fil-politika, qal li meta hu beda jservi fil-politika ma kienx hawn il-faċilitajiet tal-midja soċjali li hawn illum.

Il-messaġġ politiku dakinhar kien jitwassal bil-mezzi tradizzjonali ta’ dak iż-żmien. Konna nużaw aktar il-laqgħat u l-meetings u konna nagħmlu wkoll ħafna avvenimenti biex hekk il-kuntatt man-nies kien ikun kontinwu u hekk il-messaġġ stajna ngħadduh b’dan il-mod.

Dan ifisser li kellna kuntatt fiżiku għaliex konna niltaqgħu ħafna ma’ xulxin.

Francis Zammit Dimech kompla li llum ma’ dawn il-mezzi tradizzjonali hemm ukoll il-midja soċjali. Illum mal-gazzetti, mar-radju u mat-televiżjoni żdiedet ukoll il-midja soċjali li qed ikollha rwol mill-aktar importanti.

Biżżejjed wieħed japprezza li jekk irid iwassal messaġġ f’ħin qasir u lil firxa kbira ta’ nies, allura kulma għandu jagħmel hu li jibgħat messaġġ fuq What’s Up u hekk il-messaġġ jasal fi ftit sekondi.

Illum hemm ukoll l-għodda tal-korrispondenza elettronika li wkoll għandha l-importanza tagħha fis-sens li jekk xi ħadd irid jibgħat kontenut xi ftit itwal, allura kemm jagħmel dan f’forma ta’ korrispondenza elettronika u jwassal dan il-messaġġ fejn irid u lil min irid f’temp ta’ ftit sekondi biss.

Dawn kollha huma għodda tajbin li jgħinu fil-komunikazzjoni tal-bniedem. Imma mhux biss, jgħinu wkoll biex ikun iffrankat ħafna ħin u biex il-messaġġ ta’ dak li jkun jitwassal fi ftit tal-ħin, lil għadd ta’ persuni bla limitu u f’liema destinazzjoni li dak li jkun ikun jixtieq.

Hu fisser li naturalment u bħal kull għodda oħra, il-midja soċjali trid tintuża b’għaqal u bi prudenza għaliex kemm-il darba din tintuża ħażin allura flok ġid, ikun qiegħed isir id-deni.

Il-Partit Nazzjonalista juża kemm-il mezzi tradizzjonali kif ukoll il-mezzi ġodda tal-lum il-ġurnata. Skont xi tkun iċ-ċirkostanza u skont kif il-Partit ikun irid jilħaq l-ispettru ta’ nies li jkun irid jilħaq.

“Jien personalment qatt ma kont favur xi tip ta’ diskorsi ta’ mibegħda. Anki l-Partit Nazzjonalista hu ferm attent minn kull diskors ta’ mibegħda. Hi ħasra li mbagħad hemm il-Partit Laburista li esponenti fi ħdanu minn żmien għal żmien jirrikorru għal diskorsi ta’ mibegħda għas-sempliċi raġuni biex jippruvaw jintimidaw.

“Fil-passat, anki reċenti, kellna għadd ta’ każijiet fejn persuni li jimmilitaw fil-Partit Laburista rrikkorrew għall-arma ta’ messaġġi ta’ mibegħda għas-sempliċi raġuni li riedu jintimidaw lil dak jew lil dik,” spjega Francis Zammit Dimech.

Il-messaġġi ta’ mibegħda fuq il-midja soċjali m’għandhom jintużaw qatt u minn ħadd. Il-Partit Nazzjonalista għandu linji gwida mill-aktar ċari dwar dan kollu u jenfasizza tolleranza zero fil-konfront tal-messaġġi ta’ mibegħda.

Francis Zammit Dimech qal li bla  dubju min jispiċċa fil-mira ta’ messaġġi ta’ mibegħda jħossu mhux biss intimidat, imma wkoll irrabjat li għaliex qiegħed jaqdi d-doveri tiegħu jew għaliex jemmen f’ċerti kawżi, allura kellu jispiċċa fil-mira ta’ messaġġi ta’ mibegħda. Hemm riperkussjonijiet oħrajn li wieħed ibati kaġun ta’ dawn il-messaġġi ta’ mibegħda – bħall-effetti tal-istess messaġġi fuq il-membri tal-familja ta’ dak li jkun. Jiġifieri l-effetti huma mifruxa u fuq diversi livelli ta’ min ma jikkontrollax is-sens ta’ mibegħda li jkollu ġewwa fih.

Wieħed ma jridx jinsa li hawn min ma jkunx kapaċi jikkomunika fil-wiċċ dak li jkun irid jgħid, iżda mbagħad iħossu komdu jgħid li jrid permezz ta’ dawn il-messaġġi fuq il-midja soċjali. Allura ssib lil min joqgħod lura iżda mbagħad jinfexx jattakka lil dak u lill-ieħor – xi drabi anki b’messaġġi ta’ mibegħda – għas-sempliċi raġuni li ma jkunx kapaċi jikkontrolla l-mibegħda li jkollu ġewwa fih.

Dan kollu ma għandux isir u kulħadd għandu d-dover u d-dmir li jġib ruħu b’mod korrett kemm f’wiċċ dak li jkun kif ukoll meta juża l-għodda tal-midja soċjali. Kull diskors li jingħad jew jinkiteb għandu jingħad b’mod responsabbli.

Il-pajjiż għandu leġiżlazzjoni tajba f’dan ir-rigward imma dak li hu meħtieġ hu li din tkun infurzata aktar fil-konfront ta’ kull min iwassal sentimenti ta’ mibegħda, temm Francis Zammit Dimech.