Sport Sport Ieħor

Ippubblikat ir-rapport fil-konfront tal-Eks President tal-Federazzjoni Internazzjonali tal-Weightlifting

(Ritratt: EPA)

Ippubblikat ir-rapport tal-Professur Richard McLaren rigward l-eks President tal-Federazzjoni Internazzjonali tal-Weightlifting Tamas Ajan. Fir-rapport hemm bosta fatturi li wasslu għar-riżenja ta’ Ajan u kollox jindika li fil-ġimgħat li ġejjin, fuq talba tal-Federazzjonijiet tar-Russja u l-Ġermanja, il-każijiet elenkati fir-rapport għandhom jgħaddu f’idejn il-pulizija l-aktar għaliex madwar 10 miljun dollaru mhumiex dokumentati. McLaren ikkonferma li għal Kungressi Elettivi, Ajan kien jieħu miegħu aktar minn nofs miljun dollaru f’kontanti biex jinxtraw voti tad-delegati.

Infatti fl-2017 f’Bangkok qabel il-Kungress tat-Tajlandja, kienu bosta jistennew fi kju biex jieħdu kull wieħed 5,000 dollaru għal kull vot u drabi oħra anke ħallas sa 30,000 dollaru. Ajan kien jara wkoll li jixtri voti għal min ikun irid elett fl-Ezekuttiv apparti li hu biss kellu aċċess għal kontijiet bankarji. Ir-Rapport jindika kif darbtejn fl-elezzjonijiet tal-2013 u 2017, xtara l-voti biex għeleb lit-Taljan Antonio Urso. F’kompjuter tad-Direttur Ġenerali Attila Adamfi – miżżewweġ lil bint Ajan, jirriżulta l-mod kif kienu jkunu l-voti garantiti saħansitra minn tlett ijiem qabel l-elezzjoni.

Votanti mixtrija kienu jieħdu ritratt tal-vot u jgħadduh lil Ajan. Jirriżulta wkoll li l-President tal-Ażerbajġan Ilham Aliyev, kiteb lil Ajan biex jirringrazzjah għal mod kif kien jgħatti l-każijiet ta’ atleti mill-Ażerbajġan u t-Turkija li kienu pożittivi. Mill-2013, l-Ażerbajġan kellhom 18-il weightlifter pożittiv għad-doping fosthom kemm il-darba lil Valentin Hristov, li minn Bulgaru sar Azeri għas-somma ta’ nofs miljun dollaru.