Illum huwa jum importanti għalina lkoll. F’din il-ġurnata ’l fuq minn mitt sena ilu fis-7 ta’ Ġunju 1919 missirijietna qamu u pprotestaw. Qamu biex iwasslu l-protesta leġittima tagħhom kontra dak li kien qiegħed iseħħ. Il-poplu sab ruħu mgħakkes f’kundizzjonijiet socjali ħżiena. Semma leħnu kontra stat li kien qiegħed jitmexxa ħażin mingħajr ebda forma ta’ ġustizzja soċjali. Il-vuċi ġusta tal-Maltin u l-Għawdxin sabet ruħha attakkata. Sabet l-armata Ingliża tispara fuq folla ta’ persuni. Waħda li ħalliet lil ħutna mejtin. Dak id-demm li nxtered weġġa’ u għadu ferità fil-ħajja ta’ poplu li ġġieled lill-barrani imma ma sparax fuqu nnifsu.
Is-sagrifiċċju ta’ Wenzu Dyer, Giuseppi Bajada, Manuel Attard u Karmenu Abela ma kienx, u anzi rridu llum iktar minn qabel nkunu ċerti, li mhuwiex ta’ xejn. Ikun tradiment nazzjonali jekk ninsewh. Ikun att ta’ żlealtà lejn il-memorja tagħhom jekk nittraskuraw jew naġixxu b’mod ħażin. Illum niftakru fihom b’iktar intensità. Għandna nibqgħu nżommuhom f’moħħna u f’qalbna fil-ħajja tagħna jum wara jum.
Dak li seħħ f’dawk il-jiem wassal biex il-ħajja soċjali, ekonomika u politika ta’ pajjiżna ċċaqilqet. Fuq kollox akkwistajna dak li bil-Kostituzzjoni tal-1921 għall-ewwel darba sarrfet rappreżentanti tal-poplu eletti demokratikament. Pajjiżna akkwista Kamra tad-Deputati. Il-poplu li kien laqa’ bil-ferħ dan, kellu strument biex jibda t-triq li jfassal mill-ġdid liġijiet tiegħu.
Ċittadini determinati, preparati u lesti li jissagrifikaw l-interessi personali tagħhom għal ħuthom. Il-liġijiet li saru kollha bdew pedamenti validi għalina. Fuq kollox bdew il-proċess biex ikollna stat soċjali. Wieħed li jħares li jagħti dinjità lill-ħaddiem u jarah mhux bħala għodda għall-ekonomija imma li minflok din tkun għas-servizz tiegħu.
Ma kienx faċli. Biss mill-ewwel seduta tal-1 ta’ Novembru 1921 urejna li kapaċi mmexxu waħedna. Kapaċi b’mexxejja tajbin, retti, onesti, umli, nieqsa mis-suppervja nieħdu d-deċiżjonijiet nazzjonali t-tajba. Kif l-ewwel Prim Ministru Joseph Howard kien.
Illum waqt li niċċelebraw fiċ-ċirkostanzi diffiċli tagħna, għandna nħarsu ’l quddiem. Għandna nħarsu lejn pajjiż li jerġa’ jieħu r-ruħ tiegħu. Pajjiż li jissoda iktar il-ġustizzja soċjali. Wieħed li fih il-liġi tiġi rispettata u mhux injorata. Wieħed li jħares il-ġid komuni. Wieħed li jara li l-ħaddiem jiġi protett u li min tilef xogħlu jsib ieħor, u mingħandu jinżammlu sod.
Jum li fuq kollox irid jassigura u jfakkar kemm il-Kamra tad-Deputati hija vitali fil-ħajja tagħna. Din hija istituzzjoni demokratika imma fuq kollox hija l-vuċi ħajja tal-poplu. Hemm il-post fejn nidħlu għad-dibattiti biex iwasslu għal liġijiet u ħidma li twettaq il-ġid. Hemm il-post fejn il-Gvern irid jagħti kont ta’ għemilu bi trasparenza u sħiħa. Il-post fejn il-Prim Ministru li għandu dmirijiet u responsabbiltajiet kbar almenu jattendi. L-assenza ripetuta tiegħu hija għalija ċertament żbaljata u tneħħi mill-gieħ li l-post jixraqlu.
Ir-rispett lejn il-pajjiż jiġi minn dan. Iktar u iktar fis-sitwazzjoni iebsa li lkoll qed ngħixu fiha. Il-pajjiż jimxi ’l quddiem bl-ideat, bid-djalogu bid-diskussjoni miftuħa. Ħadd, ebda bniedem m’huwa daqshekk ’il fuq minn kulħadd li huwa waħdu mimli b’tant għerf li m’għandux bżonn jitkellem, jieħu l-parir u l-opinjoni tal-oħrajn.
Hija parti essenzjali mill-pedament tal-imġiba demokratika korretta li mhix qegħda tiġi prattikata mill-Prim Ministru. Nafu lkoll għala. Il-Gvern mimli b’kaxex li jrid jaħbi għax jibża’ li jinfetħu b’dak xejn tajjeb li fihom.
Waqt li għandna nħarsu ’l quddiem biex niċċelebraw il-mitt sena tal-ftuħ tal-Parlament tagħna, f’dan il-jum importanti għall-pajjiżna dmiri nagħrfu li huwa dak li nibqa’ naħdem biex id-demokrazzija titħaddem fis-sħiħ. Dmiri jibqa’ li mmexxi ’l quddiem Oppożizzjoni li tirrispetta l-valuri fundamentali tas-sewwa. Dmiri jibqa’ li fuq kollox, f’jum id-demokrazija tagħna, nassigura li d-demm tal-eroj nazzjonali tagħna ma jkunx nxtered ta’ xejn. Anzi jkun saqqa r-rieda fina li nservu lill-pajjiżna anke fl-agħar żminijiet.
//= $special ?>