Internazzjonali

Libja: Żdied ir-reklutaġġ ta’ Sirjani biex jiġġieldu favur Haftar

Sorsi qrib l-Oppożizzjoni tas-Sirja qalu li, f’Mejju, żdied l-impenn ‘tar-Russi’ biex jirreklutaw ġellieda Sirjani bil-għan li jsostnu l-kampanja militari ta’ Khalifa Haftar fil-Libja. Haftar ilu minn April tas-sena l-oħra jmexxi offensiva fuq il-Gvern fi Tripli u s-sorsi qalu li fl-aħħar ġimgħat ġew ingaġġati l-mijiet ta’ merċenarji biex jappoġġjawh f’din il-ġlieda.

Is-sorsi, flimkien ma’ imkejjen infurmati oħrajn fir-reġjun qalu li l-kuntrattur militari privat Wagner Group ħa  ħsieb l-ingaġġ tal-merċenarji ‘fost is-superviżjoni tal-Armata Russa’. Fl-istess ħin, eks membru tal-Wagner Group qal li din l-entità kienet bagħtet, għall-ewwel darba, is-Sirjani biex jiġġieldu fil-Libja fl-2019. Sadanittant, ħadd mill-Ministeru tad-Difiża Russu jew min-naħa tal-Wagner Group ma tkellmu dwar l-allegazzjonijiet.

Ir-Russja hi alleata ewlenija tal-President Sirjan Bashar al-Assad u xi esperti qed jgħidu li l-involviment ta’ Moska fil-Libja trid titqies bħala ‘estensjoni tal-ambizzjonijiiet tagħha biex tferrex l-influwenza (tar-Russja) fir-reġjun tal-Mediterran lejn il-Lvant.’

Sadanittant, it-Turkija qed tipprovdi appoġġ militari lill-Gvern tal-Prim Ministru Libjan, Fayez al-Sarraj, li hu l-avversarju qalil ta’ Haftar. Fl-istess ħin, Haftar qed jingħata wkoll sostenn mingħand l-Eġittu u l-Emirati Għarab Magħquda.

Is-sehem tar-Russja u t-Turkija fuq in-naħat opposti tal-konflitt fil-Libja jirrifletti wkoll is-sitwazzjoni waqt il-gwerra fis-Sirja, fejn l-istess żewġ pajjiżi qegħdin jappoġġjaw lill-gruppi ta’ ġellieda lokali. Intant, is-sehem ta’ dawn il-pajjiżi fil-kriżi tal-Libja għandu potenzjal kbir li jżid il-livell tal-konflitt fil-pajjiż u partikularment fiz-zoni madwar Tripli.