Iċ-champion tad-dinja fl-400 metru Salwa Eid Naser tinsab sospiża b’mod proviżorju minħabba li naqset li tagħmel it-test kontra d-doping għal erba’ darbiet. L-atleta mill-Bahrain li rebħet id-deheb fil-Kampjonati tad-Dinja f’Doha s-sena li għaddiet, tenniet l-innoċenza tagħha. Fil-media soċjali, Naser qalet li hi falliet tliet testijiet biss u dawn kienu qabel l-avveniment ta’ Settembru f’Doha.
Fi stqarrija, l-Athletics Integrity Unit qal li l-investigazzjoni fin-nuqqasijiet ta’ Naser kienu għadhom għaddejjin fiż-żmien tal-Kampjonati tad-Dinja f’Doha u f’dak iż-żmien ma kinitx sospiża. Hi kienet sospiża wara li f’Jannar ta’ din is-sena, reġgħet falliet milli tagħmel it-test.
Skont ir-regoli ta’ kontra d-doping tal-World Athletics, kombinazzjoni ta’ testijiet pożittivi jew nuqqas ta’ attendenza għalihom fi 12-il xahar, iwasslu għal ksur fir-regoli. L-atleti konċernati jistgħu jkunu sospiżi bejn minimu ta’ sena u massimu ta’ sentejn. Fil-filmat tagħha fuq instagram, l-atleta ta’ 22 sena qalet li dan l-episodju jista’ jiġri lil kulħadd u ma tridx li n-nies jitfixklu f’dan kollu għaliex sostniet li qatt mhu se tagħmel xi ħaġa biex tqarraq.
//= $special ?>