Lokali

Nature Trust Malta b’appell biex nieħdu ħsieb l-ibħra Maltin

Qiegħ il-baħar fid-Dwejra

Fl-okkażjoni għall-Jum Dinji tal-Oċeani li jiġi ċċelebrat għada 8 ta’ Ġunju, Nature Trust – FEE Malta permezz ta’ stqarrija enfasizzat il-problema urġenti tad-debris tal-baħar li l-ibħra tagħna qed jiffaċċjaw u l-ħtieġa urġenti li nindirizzaw din il-problema globali.

Miljuni ta’ annimali tal-baħar imutu kull sena minħabba inġestjoni ta’ debris, plastik u xbieki . Barra minn hekk, il-kontaminazzjoni fl-annimali tal-baħar eventwalment tilħaq il-bnedmin permezz tal-ikel.

F’din il-ġurnata Nature Trust Malta tappella lill-pubbliku biex jagħti attenzjoni speċjali, issa li s-sajf qiegħed magħna, u jarmi l-iskart fil-kontenituri korretti.

Barra minn hekk, qegħdin naraw kull sena, eluf ta’ loqom tas-sigaretti li jintremew fil-bajjiet tagħna. Il-loqom tas-sigaretti huma fil-fatt magħmula minn tip ta’ plastik.

Finalment, appellaw lill-awtoritajiet biex jagħmlu l-almu tagħhom biex jissalvagwardjaw l-ambjent tal-baħar tagħna permezz ta’ infurzar aħjar.