Lokali

“Nistenna ġustizzja dwar bullying moqżież fuq il-midja soċjali” – Claudette Buttigieg

“Nhar l-Erbgħa li għadda, wara l-attakki fuq livell personali li saru fuq il-midja soċjali fil-konfront ta’ Angela Coleiro, ħassejt li bil-kunsens tal-istess vittma kelli nagħmel rapport formali lill-Pulizija biex tinvestiga kitbiet ta’ mibegħda bħal dawn.

“Hu totalment inaċċettabbli li f’pajjiżna jeżistu liġijiet, li xi bully iħossu komdu li jikser b’mod sfaċċat fuq Facebook, għad-detriment ta’ persuni oħra.

“Nippretendi li f’pajjiżna ssir ġustizzja biex dan l-abbuż jieqaf darba għal dejjem.”

Hekk iddikjarat Claudette Buttigieg, il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Ugwaljanza, meta tkellimna fit-tul dwar dak li qed jiġri fuq il-midja soċjali meta donnu hawn għadd ta’ persuni li qed jiżvogaw elementi ta’ mibegħda kontra terzi persuni li fis-skiet – ħafna drabi waħidhom iżda f’ċerti ċirkustanzi flimkien ma’ familjari tagħhom jew persuni oħrajn viċin tagħhom – ikollhom isofru attakki ta’ mibegħda.

Claudette Buttigieg qalet li meta daħlet fil-politika fl-2013, kellha aspirazzjonijiet kbar. “Tkun għadek frisk u ġdid u taħseb li d-dinja tkun qed tistenna lilek biex l-affarijiet jinbidlu, bit-tama li jsiru aħjar.

“Kien ilni naħdem fis-settur tax-xandir għal kważi għoxrin sena. Kont familjari ħafna mal-weġgħat tan-nies għax kont nidħol fid-dar tagħhom kull jum.

“Mill-bidu nett ingħatajt il-kariga ta’ Kelliema għas-Settur tad-Drittijiet u Libertajiet Ċivili. Fl-istudji tiegħi (Malta u barra) qatt ma studjajt il-liġi imma dejjem kelli x-xorti li naħdem ma’ persuni b’għarfien legali wiesa’ speċjalment fejn jidħlu d-drittijiet tal-bniedem. Kien għalhekk li mill-ewwel bdejt naħdem mal-kollega Therese Commodini Cachia, dak iż-żmien ma kenetx Membru Parlamentari, biex, fost l-oħrajn nemendaw il-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna.”

Claudette Buttigieg qatt ma tinsa kemm ħassitha kburija meta ressqet din l-emenda tant important għall-Kapitlu IV ‘Drittijiet u Libertajiet Fundamentali tal-Individwu’ tal-Kostituzzjoni ta’ Malta li wara din l-emenda tal-14 ta’ April 2014, tgħid li “kull persuna f’Malta hija intitolata għad-drittijiet u libertajiet fundamentali tal-individwu, jiġifieri, id-dritt, tkun xi tkun ir-razza, post ta’ oriġini, fehmiet politiċi, kulur, twemmin, sess, orjentazzjoni sesswali jew identità tal-ġeneru tagħha …”

Mistoqsija x’hinuma dawn id-drittijiet, Claudette Buttigieg fissret li dawn huma:

  • il-ħajja, libertà, sigurtà tal-persuna, it-tgawdija ta’ propjetà u l-protezzjoni tal-liġi;
  • il-libertà ta’ kuxjenza, ta’ espressjoni u ta’ għaqda u assoċjazzjoni paċifika;
  • u r-rispett għall-ħajja privata u familjari tiegħu.

Mela meta nkunu pronti biex niġġudikaw u nattakaw persuna rridu nkunu nafu li mad-drittijiet hemm obbligi wkoll. Dawn id-drittijiet iridu jiġu rispettati u mhux biss fuq il-karta.

Issa, il-Kostituzzjoni hija l-ogħla liġi ta’ pajjiżna, hija suprema, imma ma tistax tiffunzjona waħedha biss. Hija liġi f’qafas ta’ liġijiet oħrajn li wkoll jagħtu protezzjoni, u jġibu magħhom drittijiet u obbligi.

Hi qalet li ħafna drabi l-Partit Nazzjonalista jiġi attakkat għax mhuwiex miftuħ għal-libertajiet, kif inhu miftuħ ħaddiehor. Sinċerament naħseb li din hija kritika inġusta.

Jekk inħarsu lejn il-liġi tal-Ugwaljanza (Kap 456), l-Att originali nkiteb fl-2003, ġie emendat fl-2007, fl-2009 u fl-2012 dejjem taħt gvernijiet Nazzjonalisti. F’dawn l-aħħar snin, taħt Gvern Laburista, ġie emendat darbtejn fl-2014 u l-2015.

Dan juri li l-Partit Nazzjonalista ilu ħafna jaħdem għall-Ugwaljanza vera bejn in-nisa u l-irġiel. L-emendi, jew tibdil fil-liġi huma important għaliex juru li l-liġi hija ħajja u qed timxi maż-żmien. L-ebda Gvern laburista ma ħass li għandu jżarma jew iħassar il-liġi tal-Ugwaljanza u jerġa’ jiktibha mill-ġdid. Mela rridu nassumu li hija fundamentalment liġi tajba.

Mhux hekk għamel il-Gvern preżenti fuq liġi tiegħu stess. Qed nirreferi għal-liġi tal-Koabitazzjoni. Liġi friska tal-2017 li dan il-Gvern rema u ħassar kompletament minflok għamlilha t-tibdil. Dan għaliex  kienet liġi li ma taħdimx, hekk qalulu n-Nutara u l-Avukati lill-Gvern.

Claudette Buttigieg żiedet li iżda kieku ma kienx hemm il-Partit Nazzjonalista fil-bankijiet tal-Oppożizzjoni, il-Gvern kien se jagħmel froġa oħra fuq din il-liġi tal-Koabitazzjoni.

Tant kellu għaġġla biex jiskarta l-liġi li tant ftaħret biha Helena Dalli fl-2017, li permezz tal-liġi l-ġdida, kien se jneħħi drittijiet importanti ħafna.

F’kelma waħda, dawn kienu se jdaħħlu liġi ġdida biex ineħħu, u mhux iżidu, jew itejbu d-drittijiet ta’ individwi (nisa u rġiel) li jgħixu bħala familja, f’koabitazzjoni. Fil-liġi u fil-ħidma Parlamentari din hija ereżijja kbira!

Kien biss u grazzi għall-interventi ta’ kelliema differenti tal-Partit Nazzjonalista, inkluż tal-Kap Adrian Delia, u ta’ membri oħrajn li dawn id-drittijiet ġew protetti.

Qed ngħid dan kollu għaliex ħafna drabi l-messaġġ ta’ dak li qed jiġri fil-parlament ma jkunx daqshekk ċar u jrid jiġi spjegat.

Claudette Buttigieg kompliet li l-ikbar żball li nistgħu nagħmlu huwa li nassumu li għax hemm liġi li għaddiet mill-Parlament ta’ Malta, din il-liġi jaf biha kulħadd u qed jobdiha kulħadd. Ħarsa lejn dak li ġara f’dawn l-aħħar jiem, jurik kemm dan mhuwiex minnu. Anzi kemm għadna ‘l bogħod milli nilħqu din il-milja ideali tagħna.

Illum, il-midja soċjali saret il-post fejn isir iz-zekzik, fejn nies jissindikaw u jerfgħu salib ħaddiehor. Agħar minn hekk, sar il-post fejn, għax naraw biss ritratt, vidjo jew post ta’ persuna, naħsbu li għandna xi dritt sagrosant li nħaġġru lil dik il-persuna, mhux bil-ġebel, imma bi kliem li jweġġa’ ferm iktar mill-ġebel. Tikxfu l-qoħob tal-oħrajn, u miskin hu min jazzarda jikritika dak li ngħidu aħna.

Hi qalet li l-każijiet ta’ Angela Coleiro u Terry Muscat, huma differenti minn xulxin imma jwasslu għall-istess għan, dak li jumiljaw, jiddegradaw u jweġġgħu persuni sempliċement għax iħossu li dan jistgħu jagħmluh. Għax hemm persuni li tant iħossuhom perfetti fil-ħajja li jattakkaw lil min hu differenti minnhom, għax fil-fatt jibżgħu minn min hu differenti.

Tant hu hekk li rari ssib individwu li jattakka waħdu. Meta jsir attakk fuq individwi bħal Angela jew Terry, ikun hemm dak li bl-Ingliż jissejjaħ “ganging up”. Min jibda l-attakk jagħmilha b’intenzjoni li jħajjar u jinstiga oħrajn biex jagħmlu bħalu jew bħala. Hekk jiġri fil-bitħa tal-iskola meta klikka ta’ bullies jattakkaw xi student.

Attakki li qed jiżdiedu b’mod perikoluż f’pajjiżna huma l-attakki razzisti, speċjalment fuq persuni li għandhom il-kulur tal-ġilda tagħhom skura. Hekk ġara dan l-aħħar lil Rashed Al-tumi u Annarita Aquilina. It-tnejn huma Maltin imma ta’ karnaġġjon skura.

Claudette Buttigieg kompliet li biex ma nsemmix l-ereżijiet gravi li jinkitbu fuq l-immigranti li ħallejna fuq id-dgħajjes f’nofs ta’ baħar. Ċentri ġodda ta’ detenzjoni mħallsa sew mit-taxxi tagħna minflok rajna kif nistgħu ngħinuhom imorru fil-pajjiżi fejn xtaqu.

Il-midja soċjali saret il-post fejn xi wħud ibgħattlu kull m’għandhom fuq l-istonku, bi ħdura li ma titwemminx. U fil-ferneżija biex jirreġettaw fuq id-dinjità ta’ persuni bħalhom, jinsew li fuq kollox hemm il-liġi.

Issa minbarra li nies bħal Angela u Terry għandhom il-protezzjoni tal-Kostituzzjoni, hemm liġijiet oħrajn li jipproteġuhom. Pereżempju, il-liġi tal-Identità tal-Ġeneru, li aħna bħala Partit Nazzjonalista vvutajna favur tagħha u għaddiet mill-Parlament unanimament fl-2015.

Din il-liġi, fost affarijiet oħrajn, f’paragrafu 11, tgħid hekk: “Kull min dolożament jesponi xi persuna li użat id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Att, jew jinsulta jew jgħajjar persuna, jeħel, meta jinstab ħati, multa ta’ mhux anqas minn elf ewro(€1,000) u mhux aktar minn ħamest elef ewro (€5,000)…  Kull min dolożament jagħmel vjolazzjoni ta’ kwalunkwe provvediment ta’ dan l-Att, jeħel, meta jinstab ħati multa ta’ mhux anqas minn ħames mitt ewro (€500) u mhux aktar minn elf ewro(€1,000).”

Hu abbażi ta’ dan il-paragrafu li jiena stess għamilt rapport lill-Pulizija, f’isem u bil-kunsens ta’ Angela Coleiro nhar l-Erbgħa li għadda. Hu totalment inaċċettabbli li f’pajjiżna jeżistu liġijiet, li xi bully iħossu komdu li jikser b’mod sfaċċat fuq Facebook, għad-detriment ta’ persuni oħra. Nippretendi li f’pajjiżna ssir ġustizzja biex dan l-abbuż jieqaf darba għal dejjem.