Lokali

RITRATTI: Il-wasla tal-immigranti fl-Isla

Matul il-lejl li għadda, iddaħħlu Malta 425 immigrant illi kienu qed jinżammu fuq erba’ bastimenti f’ibħra internazzjonali.

L-immigranti kollha ddaħħlu fix-xatt tal-Isla, bl-ewwel bastiment li jasal ikun l-Europa II. Dan kien segwit bit-tliet bastimenti l-oħra – Jade, Bahari u Atlantis.

Iż-żewġ kumpaniji sidien ta’ dawn il-bastimenti kienu qed jitħallsu €3,000 kuljum għal dan is-servizz.

Net News hu infurmat li wara li tniżżlu Malta, l-immigranti ittieħdu fiċ-Ċentru ta’ Ħal Safi u f’Lyster Barracks. Dan sakemm id-dokumenti tagħhom jiġu proċessati.

F’Mejju, il-Prim Ministru Robert Abela kien iddikjara li l-immigranti mhux se jiddaħħlu f’Malta sakemm jintlaħaq ftehim mal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Iżda din id-deċiżjoni kellha tinbidel ilbieraħ wara li, skont rapporti, inqala’ l-inkwiet fuq wieħed mill-vapuri. Sorsi oħra qed jibqgħu jinsistu li l-bastimenti kellhom jiddaħħlu minħabba l-maltemp qawwi li kien hemm fuq il-baħar.