Lokali

“Robert Abela għandu jkeċċi lil Lawrence Cutajar illum stess”

- Il-Kelliema tal-Oppożizzjoni Beppe Fenech Adami u Karol Aquilina

Wara l-aħbar li ġiet żvelata llum minn The Sunday Times of Malta, l-Partit Nazzjonalista jqis il-pożizzjoni ta’ Lawrence Cutajar bħala konsulent tal-Gvern bħala waħda li mhix aktar tenibbli u l-Prim Ministru għandu jkeċċih illum stess. Dan ħareġ fi stqarrija maħruġa mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Ġlieda kontra l-Kriminalità, Beppe Fenech Adami u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Governanza Tajba, Tisħiħ tad-Demokrazija, għaċ-Ċittadinanza u r-Riforma tas-Servizz Pubbliku, Karol Aquilina.

Il-Partit Nazzjonalista jfakkar kif nhar is-17 ta’ Jannar 2020 Lawrence Cutajar warrab minn Kummissarju tal-Pulizija, l-Prim Ministru Robert Abela irringrazzjah u faħħru pubblikament u dakinhar stess ħatru bħala konsulent tal-Gvern b’paga ta’ aktar minn €31,000 fis-sena għal xogħol part-time.

Illum sar magħruf li meta kien għadu Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar kellu laqgħat ma’ persuna viċin ħafna tal-middleman fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia u li dawn il-laqgħat kienu nżammu moħbija mit-tim investigattiv. Agħar minn hekk qed jiġi rrapurtat li Lawrence Cutajar għadda informazzjoni dwar l-investigazzjoni nkluż id-dati ta’ meta l-middleman u l-familja tiegħu kienu se jiġu arrestati mill-Pulizija.

Lawrence Cutajar għażel li minflok jiġġieled il-kriminalità, huwa jassoċja ruħu ma’ persuni nvoluti f’omiċidju u jgħaddilhom informazzjoni sigrieta li kiseb fil-qadi tad-doveri tiegħu bħala Kummissarju tal-Pulizija. Bl-aġir tiegħu Lawrence Cutajar ittradixxa lill-sħabu stess fil-Korp tal-Pulizija. Ittradixxa lill-poplu Malti u Għawdxi. Ittradixxa lil pajjiżu.