Lokali Qorti

“Seba’ persuni għall-Qorti dwar każijiet separati ta’ messaġġi ta’ mibegħda” – Simon Stellini

Bl-għajnuna tal-Pulizija kienu investigati għadd ta’ każijiet ta’ ħate speech u fil-futur qrib se jkunu qed jitressqu l-Qorti mill-inqas seba’ persuni b’rabta ma’ messaġġi ta’ mibegħda li nkitbu fuq il-midja soċjali.

Dan ħabbru ma’ il-mument, Simon Stellini, Uffiċjal Għoli fil-Hate Crime and Speech Unit li twaqqaf uffiċjalment f’Ottubru tas-sena l-oħra fid-dawl tal-fatt li l-abbuż fuq il-midja soċjali fir-rigward tad-diskorsi ta’ mibegħda qed ikomplu jiżdiedu.

Simon Stellini fisser li l-Hate Crime and Speech Unit hu ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropea. 

Twaqqaf uffiċjalment f’Ottubru tas-sena 2019 u beda jaħdem ftit taż-żmien wara. Fih iħaddan professjonisti li ġejjin mill-isfond psikoloġiku, socjali u dak legali.

Mistoqsi x’inhu l-iskop tal-Hate Crime and Speech Unit, Simon Stellini fakkar li r-reati ta’ mibegħda mhumiex biss reati li jiġu fis-seħħ direttament fuq l-individwu imma jistgħu jkunu wkoll fuq gruppi ta’ nies. L-iskop ewlieni hu li l-professjonisti jiltaqgħu mal-vittmi u tgħinhom psikoloġikament u legalment.

Apparti dan kollu, dan is-servizz jiġbor ukoll rapporti mingħand il-pubbliku permezz tal-korrispondenza elettronika stophatemalta@gov.mt u kif ukoll permezz tal-paġna tal-Facebook  https://www.facebook.com/StopHateMalta/.

Kull rapport jiġi evalwat, u jekk dejjem jaqa’ fil-parametri tal-Kodiċi Kriminali Kapitlu 9 Artiklu 82A, ir-rapport jiġi proċessat permezz ta’ kwerela (rapport) maħruġa mill-avukat ta’ dan is-servizz.  Kull rapport maħruġ mill-Avukat jiġi mgħoddi għand il-Pulizija.

Mistoqsi x’tgħid il-Kodiċi Kriminal Kapitlu 9 Artiklu 82A dwar kliem u reati ta’ mibegħda, Simon Stellini fisser li reati u kliem ta’ mibegħda huma żewġ kunċetti li kapaċi jvarjaw minn xenarju għall-ieħor.

Il-Hate Crime and Speech Unit dejjem jimxi mad-definizzjoni provduta mill-Kodiċi Kriminali ta’ Kapitlu 9 ta’ Malta, speċifikament minn dik li tinsab f’Artiklu 82A.

Dan l-artiklu jirreferi għal kliem, imġiba jew kwalunkwe tip ta’ materjal bil-miktub jew stampat li:

  • hu ta’ theddid, t’abbuż jew t’insult;
  • għandu l-intenzjoni li jqajjem vjolenza jew mibegħda;
  • hu dirett lejn individwu/i abbażi tas-sess, l-identità tal-ġeneru, l-orjentazzjoni sesswali, ir-razza, il-kulur, il-lingwa, l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin jew il-politika jew opinijoni oħra tal-individwu/i.  

Hu importanti li dawn it-tliet kriterji mniżżla hawn fuq ikunu preżenti sabiex l-allegat aggressur ikun jista’ jiġi mressaq b’akkuża li hi taqa’ taħt Artiklu 82A. Persuni li jitressqu b’dawn l-akkużi u jinstabu ħatja kapaċi jeħlu sitta sa tmintax-il xahar ħabs.

Mitlub jgħid x’tip ta’ servizzi joffri l-Hate Crime and Speech Unit, Simon Stellini qal li dan il-Unit joffri servizzi terapewtiċi (sapport emozzjonali) kif ukoll dawk legali lil dawk il-vittmi li jkunu esperjenzaw reati jew kliem ta’ mibegħda.  Dawn is-servizzi jingħataw mingħajr ebda ħlas. 

Jekk il-vittma jkun jixtieq jipproċedi l-każ tiegħu fil-Qorti, l-avukat ta’ dan is-servizz ikun jista’ jirrappreżentah fil-Qorti kriminali.  

Apparti li l-vittmi jiġu assistiti, is-servizz jestendi ruħu għall-bżonnijiet tal-familjari, persuni viċin tal-vittma u xhieda li jistgħu jkunu preżenti b’xi mod jew ieħor fir-reat jew inkella jeħtieġu s-sapport sabiex ikunu jistgħu jipproċessaw dak li ġara u jifhmu aħjar dak li jkun għadda minnu l-vittma.

Hawnhekk iddiskutejna l-modi kif dan il-Unit qiegħed iwassal ħidmietu lill-pubbliku inġenerali, u Simon Stellini spjegali li l-Hate Crime and Speech Unit hu ddedikat li jwassal u jtejjeb l-għarfien li l-pubbliku inġenerali għandu, bit-tama li n-nies isiru kapaċi jagħrfu atti ta’ mibegħda, iwassluhom għand l-awtoritajiet xierqa u jkunu attivi fil-ġlieda kontra l-intolleranza vjolenti.

Għaldaqstant, il-Unit se jwassal informazzjoni dwar dawn ir-reati u s-servizzi li qegħdin jiġu offruti permezz ta’ diversi modi, inkluż riklami fuq ir-radju u fuq il-bus shelters u għarfien kontinwu fuq il-paġna ta’ Facebook. Il-Unit hu wkoll fil-proċess li jwettaq kampanja t’għarfien permezz tal-istess paġna, fejn ir-reati u kliem ta’ mibegħda huma spjegati permezz ta’ xenarji reali.

Minn din il-kampanja, il-pubbliku se jiġi mgħarraf ukoll fuq kif wieħed jista’ jressaq rapporti dwar dawn ir-reati sabiex jgħin lill-vittmi li ġew affettwati u fl-istess ħin il-problema tal-intolleranza u kummenti mhux xierqa jiġu mnaqqsa bil-bosta.

Persuna li tixtieq tressaq rapport dwar reat jew kliem ta’ mibegħda għall-attenzjoni tal-Unit, tista’ tagħmel dan billi tikkuntattja lill-Unit mill-paġna ta’ Facebook jew mill-email stophatemalta@gov.mt u tibgħat kwalinkwe tip ta’ evidenza li tista’ tgħin lill-professjonisti jgħarfu r-reat.

F’każijiet ta’ kliem ta’ mibegħda li jseħħ onlajn, il-persuna hi meħtieġa li tibgħatt screenshot tal-materjal ippubblikat, il-link għas-sit fejn jistab il-materjal, ritratt tal-profil tal-allegat aggressur u l-link għall-profil tal-allegat aggressur.

Mistoqsi kemm hi kbira l-problema f’pajjiżna dwar il-kliem u r-reati ta’ mibegħda, Simon Stellini qal li minħabba l-fatt li reati u kliem ta’ mibegħda mhumiex irrapurtati lill-awtoritajiet ta’ spiss, flimkien man-nuqqas t’għarfien dwar x’vera jikkonsistu dawn it-tip ta’ reati, stampa preċiża ta’ din il-problema fis-soċjetà Maltija hi diffiċli li tinħoloq.

Madankollu, numru ta’ rapporti, kif ukoll riċerka mwettqa mill-istess Unit, jagħtu indikazzjoni qawwija li aġir vjolenti għall-intolleranza lejn ċertu membri tas-soċjetà hi kwistjoni problematika tassew lokalment.

Għal din ir-raġuni, il-professjonisti fi ħdan dan il-Unit jittamaw li jilħqu vittmi li rċivew il-messaġġ li huma mhumiex aċċettati fis-soċjetà u li s’issa baqgħu siekta.

Hu importanti li dawn il-vittmi jirrealizzaw  li dak li sseħħ lilhom hu inġust u li jieħdu l-passi biex id-drittijiet tagħhom jkunu mħarsa.

Mistoqsi dwar x’tip ta’ każijiet qed jiltaqa’ magħhom il-Hate Crime and Speech Unit, Simon Stellini fisser li l-Unit qiegħed jiltaqa’ ma’ diversi każijiet, fosthom każijiet ta’ karnaġġjon skur, ċittadinanza, orjentazzjoni sesswali differenti, twemmin differenti, politika u opinjoni differenti u gruppi oħrajn li ma jikklassifikawx fil-liġi però kienu fil-mira ta’ reat/i ta’ mibegħda. 

Fil-preżent ħames vittmi qed jirċievu għajnuna terapewtika.  Rapporti daħlu bil-bosta, fejn seba’ minnhom qed ikunu pproċessati biex jittellgħu l-Qorti, filwaqt li ħames rapporti oħra, għalkemm kienu ta’ kummenti ta’ mibegħda xorta waħda ma setgħux jiġu proċessati u jittellgħu fil-Qorti minħabba li ma kienx hemm evidenza ta’ ‘links’ minn fejn il-kummenti ġew ippubblikati. 

Is-servizz ukoll irċieva tlieta u għoxrin rapporti iżda ma setgħux jiġu aċċettati minħabba li l-insulti u kliem mhux xieraq ma kienx jaqa’ taħt il-Kodiċi Kriminali Kapitlu 9 Artiklu 82A.