Internazzjonali

Wara l-mewt ta’ George Floyd: Protesti kbar kontra r-razziżmu madwar l-Istati Uniti u f’pajjiżi oħra

It-tnax il-jum ta’ protesti dwar il-qtil ta’ raġel iswed taħt idejn il-pulizija kien ikkaratterizzat mir-rallies tal-massa li tmexxew b’mod paċifiku madwar l-Istati Uniti.

It-tema tad-dimostrazjonijiet kienet waħda ta’ protesta kontra r-razziżmu u l-brutalità tal-pulizija, bl-akbar rally isir f’Washington, fejn għexieren ta’ eluf immarċjaw biex jesprimu l-għadab dwar il-mewt ta’ George Floyd, li seħħ jiem ilu f’Minneapolis. Dan waqt li l-qawwiet tas-sigurtà għalqu l-aċċessi għall-bini tal-White House fil-kapitali Amerikana.

Ħarġu wkoll il-folol kbar fi New York, Chicago, Los Angeles u San Francisco, bin-nies jorganizzaw tislima għal George Floyd fl-Istat ta’ North Carolina, fejn kien twieled il-vittma, qabel servizz ta’ tifkira.

George Floyd miet ( f’Minneapolis) fil-25 ta’ Mejju waqt li kien qed jinżamm arrestat mill-pulizija. Intant, il-filmati li wrew pulizija abjad għar-rkubbtejh fuq l-għonq ta’ Floyd li kien qed jinżamm mal-art u li tilef ħajtu ftit tal-ħin wara wasslu għal jiem konsekuttivi ta’ dimostrazzjonijiet tal-massa rabbjużi u inċidenti vjolenti mal-pulizija.

Il-pulizija – Derek Chauvin – li ħalla rkopptu fuq għonq il-vittma għal disa’ minuti spiċċa mkeċċi mill-korp u qed jiffaċċja akkużi ta’ omiċidju. Tliet pulizija oħra li kienu fuq il-post tal-inċident ukoll tkeċċew u qed ikunu akkużati bħala kompliċi f’reat.

Il-folol f’Washington, li ħafna minnhom kellhom tabelluni bil-messaġġ ‘Black Lives Matter (Il-ħajja tas-suwed għandha valur)’ inġabru qrib il-bini tal-Capitol u l-Lincoln Memorial, kif ukoll barra Lafayette Park fil-limiti tal-White House.

Is-Sindku ta’ Washington, Muriel Bowser, qalet li ‘in-nies qed jibgħatu messaġġ lill-President Amerikan Donald Trump’ u sostniet li ‘is-suldati Amerikani mgħandhomx ikunu mħeġġa biex jieħdu azzjoni (aggressiva) fil-konfront ta’ ċittadini’.

Bowser talbet l-irtirar tal-uffiċjali federali kollha għall-infurzar tal-liġi u t-truppi tal-Gwardja Nazzjonali minn Washington fost l-insistenza li l-preżenza tagħhom fil-kapitali mhix neċessarja.

Dan waqt li l-messaġġ ewlieni mingħand ħafna attivisti kien li ‘ir-razziżmu ilu jifforma parti mis-soċjetà Amerikana’.

Fi tmiem il-ġimgħa, kien hemm inċidenti, f’Portland (f’Oregon) fejn intefgħu l-oġġetti lejn il-pulizija, bir-riżultat li saru għexieren ta’ arresti.

Il-pulizija spiċċaw ukoll mira ta’ vjolenza fil-belt ta’ Seattle, fejn ingħad li numru ta’ pulizija ndarbu waqt it-tfigħ ta’ ‘splussivi mhumiex sofistikati’.

Sadanittant, Stan Wischnowski, l-editur tal-Philadelphia Inquirer, irriżenja wara li pubblika titlu ta’ artiklu li ‘jipparaguna l-mewt ta’ persuni suwed mal-ħsarat fil-proprjetà’. Wischnowski talab skuża għal ‘din id-deċiżjoni żbaljata’ li qanqlet kritika kbira anki mill-membri tal-istaff mal-gazzetta.

Id-dimostrazzjonijiet kontra r-razziżmu, fl-aħħar sigħat, infirxu ‘il hinn mill-Istati Uniti. Fir-Renju Unit, Parliament Square ta’ Londra, spiċċa mimli bin-nies li riedu jwasslu ‘messaġġ speċifiku’ minkejja li l-Gvern sejjaħ biex ma jinġabrux il-folol minħabba l-periklu ta’ infezzjonijiet mill-Covid-19.

Fl-Awstralja wkoll kien hemm il-protesti, bid-dimostranti joħonqu l-ibliet ta’ Sydney, Melbourne u Brisbane biex jiġbdu l-attenzjoni għat-trattament ħażin tal-Awstraljani indiġeni.

Intant, dimostrazzjonijiet simili b’tema anti-razzista saru wkoll fi Franza, il-Ġermanja u Spanja.

Is-sostenituri tal-moviment kontra r-razziżmu – fl-Istati Uniti u daqstant ieħor f’pajjiżi oħra – qed isejħu biex l-uffiċjali eletti jindirizzaw ‘ir-razziżmu u l-inugwaljanzi sistematiċi li jvarjaw minn brutalità tal-pulizija sa arresti tal-massa u diskriminazzjoni fejn tidħol kura tas-saħħa’.

Skont in-National Association for the Advancement of Colored People (NAACP) ir-rata li biha l-Amerikani suwed qed jintefgħu l-ħabs (fl-Istati Uniti) hi ħames darbiet aktar minn tal-Amerikani bojod.

Fl-istess ħin, studju tal-Pew Research Center żvela li aktar minn tmienja fost għaxar adulti suwed fl-Istati Uniti jemmnu li ‘il-wirt tal-iskjavtu għadu jaffettwa l-ħajja tal-Amerikani suwed anki llum’. Nofs in-nies li wieġbu għall-istħarriġ qalu li ‘mhix probabbli l-Istati Uniti għandha, xi darba, tara stat ġenwin ta’ ugwaljanza bejn ir-razzez’.