Lokali

X’ġara verament fuq il-vapur Europa II?

Abela jgħid li "ħadu s-skieken u bdew jheddu li se jisplodu ċilindru tal-gass"

Il-Prim Ministru Robert Abela reġa’ għażel il-media tal-Partit Laburista biex jaġġorna lill-poplu Malti u Għawdxi dwar tema sensittiva, b’dettalji rigward x’ġara eżatt ilbieraħ abbord il-bastiment Europa II.

Skont il-Prim Ministru, il-pajjiż ma kellu l-ebda ħsieb li jdaħħal lil dawn l-immigranti li b’kollox kienu jammontaw għal 425.

Iżda fi kliem Robert Abela, f’mument minnhom il-Gvern ġie infurmat li l-immigranti abbord il-bastiment daħlu fil-kċina tal-vapur, ħadu numru ta’ skieken u bdew jheddu li se jisplodu ċilindru tal-gass. Hu qal li l-membri tal-ekwipaġġ abbord bdew jikkomunikaw miegħu u ngħataw ultimatum ta’ nofs siegħa.

Fuq One TV, il-Prim Minsitru qal li kellu l-għażla li l-armata titla’ abbord il-bastiment u tieħu kontroll. Eventwalment, ġie deċiż li l-vapuri kollha jiddaħħlu pajjiżna, meta fil-verità l-allegat “inkwiet” inqala’ fuq bastiment wieħed.

Jekk jiġi konfermat li dawn verament huma l-fatti kif ġraw, wieħed jifhem li fil-jiem li ġejjin se jkunu qed jitressqu l-Qorti dawk l-immigranti li kienu l-moħħ wara dan l-att.

Abbord il-vapur Europa II, apparti l-ekwipaġġ, kien hemm ukoll numru ta’ uffiċjali tas-sigurtà…ħafna minnhom Maltin.

Intant, jidher illi sa issa, kif ikkonferma Robert Abela innifsu, għad mhemm ebda pjan dwar il-pajjiżi li fihom għandhom jiġu rilokati dawn l-425 immigrant.

Ritratt: Joseph Galea