Internazzjonali

‘Żommu lura milli tgħidu li rbaħna lill-Covid-19′ – il-Papa Franġisku

Il-Papa Franġisku, waqt diskors lill-mijiet ta’ persuni miġbura fi Pjazza San Pietru, f’Ruma, ħeġġeġ biex it-Taljani jibqgħu viġilanti dwar l-iżviluppi tal-Covid-19 u biex huma jkomplu josservaw ir-regoli għad-distanzi soċjali filwaqt li jilbsu l-maskri tal-wiċċ.

Hu, intant, irrefera għall-preżenza tan-nies fil-pjazza u sostna li ‘proprju din il-miġemgħa ( ta’ persuni) kellha titqies bħala sinjal li l-Italja rnexxielha tegħleb il-fażi akuta tal-pandemija’.

Madankollu, il-Papa xorta ħeġġeġ għall-kawtela u ‘biex in-nies, għalissa, iżommu lura milli jiddikjaraw rebħa fuq il-virus’. Dan għaliex in-nies jeħtieġu jsegwu r-regoli li għadhom validi u li jgħinuhom biex jevitaw ‘il-progress tal-Covid-19’.

L-Italja, illum, qed tippermetti mill-ġdid l-ivvjaġġar bejn ir-reġjuni tagħha u anki qed tiftaħ il-fruntieri internazzjonali.

Dan waqt li l-ħwienet, il-kafeteriji u r-ristoranti reġgħu bdew jilqgħu lit-turisti.

Sadanittant, is-Santa Sede qalet li mgħadx hemm każi ta’ infezzjoni bil-coronavirus fil-Belt tal-Vatikan.

L-aħħar statistika mill-Vatikan, fil-fatt, ikkonfermat li ‘spiċċaw l-infezzjonijiet fost l-impjegati tas-Santa Sede – l-istituzzjoni amministrattiva tal-Knisja Kattolika – u fi ħdan l-entitajiet oħrajn fil-Belt tal-Vatikan,

L-aħħar fost 12-il każi pożittivi fil-Vatikan kien irrappurtat fl-ewwel jiem ta’ Mejju u Matteo Bruni, il-kap tas-servizzi tal-istampa mal-Vatikan, issa tenna li ‘ittestja negattiv l-aħħar persuna li kienet mardet ( fl-inħawi) bil-virus fil-ġimgħat riċenti’.