Lokali Parlament

Konferma li f’April kien hemm 11,019 bla xogħol

Il-Labour Force Survey jistabilixxi li r-rata tal-qgħad matul April kienet ta’ 11,019 persuna – ċifra li ġġib fix-xejn il-propaganda tal-Partit Laburista, li ġimgħa ilu prova jgiddeb iċ-ċifri tal-Gvern stess.

Dan jirriżulta minn tweġiba parlamentari tal-Ministru Edward Scicluna meta kien qed iwieġeb mistoqsija parlamentari tal-Viċi-Kap tal-PN David Agius.

Il-Ministru Scicluna qal li l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika jippubblika żewġ statistiċi ta’ persuni li qed jirreġistraw għax-xogħol fejn skont il-Jobsplus għal April, il-qagħad kien 3,979 persuna.

Il-Ministru Scicluna qal li l-istima maħruġa mil-Labour Force Survey hi bbażata fuq kriterji internazzjonali li huma applikati mill-UE fejn id-definizzjoni ta’ persuni bla xogħol hi bbażata fuq tliet kriterji, li huma li persuna ma jkollhiex xogħol, li persuna tkun qed tfittex xogħol u li persuna li tkun lesta li tibda taħdem fi żmien ġimgħatejn jekk issib xogħol.