Lokali

”Abela għażel lill-Kummissarju hu…fuq probation” – PN

Il-Partit Nazzjonalista jgħid ''ma nbidel xejn''

Minkejja l-ħafna kliem fieragħ Robert Abela sal-lum ma jridx li jkun hemm kunsens u ftehim mal-Oppożizzjoni dwar il-ħatra ta’ Kummissarju tal Pulizija ġdid. Iktar minn hekk Robert Abela jrid li l-Kummissarju tal-Pulizija ġdid jinħatar għal probation ta’ sena bl-intiża ċara li jekk ma jogħġobx lill Gvern li ħatru jew jittanta jinvestiga l-abbużi u każijiet ta’ korruzzjoni li herrew lil pajjiż, dan jitneħħa.

Fi stqarrija, id-Deputati Nazzjonalisti Beppe Fenech Adami u Karol Aquilina stqarrew li milli ġie mħabbar illum huwa ċar li Robert Abela qed ikompli jwebbes rasu u għażel li jibqa’ jinnomina u jtajjar il-Kummissarju tal-Pulizija meta u x’ħin irid. Għal din ir-raġuni l-Oppożizzjoni mhux se tkun parteċipi f’dan it-taparsi proċess ta’ għażla.

F’dan il-mument tant delikat għall-pajjiż, il-Partit Nazzjonalista jibqa’ jinsisti li Robert Abela m’għandux jibqa’ jwebbes rasu u għandu jfittex ftehim u qbil mal-Oppożizzjoni sabiex jinħatar Kummissarju tal-Pulizija li jista’ jerġa’ jġib il-fiduċja tal-poplu fil-Korp.