Internazzjonali

Aktar żviluppi fis-sitwazzjoni tal-Covid-19

Fl-Istati Uniti, il-belt ta’ New York – iz-zona li ntlaqtet l-agħar mill-Covid-19 (f’dan il-pajjiż) – qed tibda tnaqqas il-lockdown. Sa  400,000 ħaddiem, minn issa, jistgħu jirritornaw għax-xogħol fis-setturi tal-kostruzzjoni, il-manifattura u (anki) dawk kummerċjali meta l-belt għaddejja mill-ewwel fażi ta’ ‘reopening’. ‘Il fuq minn 205,000 spiċċaw infettati bil-Covid-19 fi New York, bi 22,000 jitilfu ħajjithom.

Madwar 50 fil-mija tal-każi ġodda tal-Covid-19 f’Singapore jinvolvu persuni li mhuma juru l-ebda sintomi. Lawrence Wong, uffiċjal ewlieni mat-taskforce lokali għal kontra l-firxa tal-virus, qal li ‘din hi l-proprja raġuni għalfejn l-awtoritajiet qegħdin ikunu daqstant kawti fil-pjani biex jiftħu pajjiżhom mill-ġdid’. Singapore, li għandu popolazzjoni ta’ ħames miljuni, intlaqat relattivament ħażin mill-Covid-19 u għalkemm naqsu l-kriterji tal-lockdown fil-pajjiż, ħafna nies għadhom qed ikunu kostretti li jaħdmu mid-dar.

Fl-Afrika t’Isfel, it-tfal qed jirritornaw għall-iskola waqt li l-Gvern qed ikompli jnaqqas waħda mill-aktar sistemi ta’ lockdown riġidi fid-dinja. Iżda mhux l-iskejjel kollha qed jiftħu mill-ġdid, b’numru minnhom, fiz-zoni rurali, jinsabu mingħajr provvista tal-ilma li jfisser li hu kważi impossibbli biex it-tfal u l-għalliema jaħslu jdejhom kontinwament.

Il-ħwienet tax-xorb – jew pubs – u r-ristoranti fl-Ingilterra x’aktarx li jkunu jistgħu jiftħu fit-22 ta’ Ġunju. Id-data indikata mill-Ministri tfisser li l-istabbilimenti x’aktarx li se jiftħu sa ġimgħatejn qabel iż-żmien ippjanat oriġinarjament, bil-ħsieb li s-settur tal-ekonomija partikulari jingħata l-istimolu meħtieġ. Intant, hemm ukoll il-kundizzjoni li l-pubs u r-ristoranti nkwistjoni jservu lin-nies bil-fors fuq barra. Dan ukoll fost pressjoni biex is-social distancing bejn persuna u oħra jonqos minn żewġ metri għal metru.

Ħames pajjiżi għandhom aktar min-nofs il-każi tal-Covid-19 ( madwar id-dinja) bejniethom skont l-informazzjoni tal-Johns Hopkins University. L-Istati Uniti għandha l-ogħla numru ta’ każi konfermati (s’issa) b’aktar minn 1.9 miljuni, waqt li l-Brażil għandha kważi 700,000 każ. Fit-tielet post hemm ir-Russja ( b’madwar) 470,000 każ segwita mir-Renju Unit ( qrib il-288,000 u l-Indja (b’257,486).