Lokali

Angelo Gafà l-magħżul tal-Prim Ministru; se jmur quddiem il-Kumitat Parlamentari

Angelo Gafà ġie magħżul mill-Prim Ministru bħala l-persuna li għandu jieħu f’idejh it-tmexxija tal-Korp tal-Pulizija. Dan wara li ismu kien konfermat ukoll mill-Kabinett.

Fi stqarrija maħruġa minn Kastilja, intqal illi wara li l-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku (PSC) ħarget sejħa pubblika u temmet il-proċess ta’ evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-ħatra ta’ Kummissarju tal-Pulizjia, il-Kummissjoni b’mod unanimu rreferiet żewġ kandidati lill-Kabinett tal-Ministri. Dan minn total ta’ 14 li kienu applikaw.

L-isem tal-persuna l-oħra li ġiet magħżula … baqa’ mistur.

Il-Prim Ministru u l-Kabinett iddeċiedew li Angelo Gafà hu l-aktar wieħed addattat għall-ħatra ta’ Kummissarju tal-Pulizija. Hu issa se jmur għal smigħ  parlamentari  quddiem il-Kumitat  Permanenti  dwar  il-Ħatriet Pubbliċi.

Preżentament, Angelo Gafà huwa l-Kap Eżekuttiv tal-Korp tal-Pulizija.