Lokali Qorti

Arrestat wara attentat ta’ serq fil-Belt Valletta

Raġel ta’ 45 sena residenti l-Belt Valletta, kien arrestat il-Ħadd filgħaxija wara li l-Pulizija aġixxew mill-ewwel fuq rapport li kien hemm persuna li qiegħda tipprova twettaq serqa minn residenza privata fil-Belt Valletta u mistenni jitressaq il-Qorti.

Kienu għall-ħabta tas-7.15pm, x’ħin il-Pulizija tal-għassa tal-Belt Valletta ġew infurmati li hemm raġel qiegħed jipprova jisgassa bieb ta’ residenza fi Triq Sant’Anna, il-Belt Valletta.

Il-Pulizija tad-Distrett marru immedjatament fuq il-post u r-raġel x’ħin innota lill-Pulizija, ħarab jiġri. Minnufih bdiet tfiitxija għalih fl-akwati, bir-raġel jinstab u ġie arrestat fi Triq Żekka.

Saret ukoll tfittxija fil-post fejn il-Pulizija rat lir-raġel fi Triq Sant’Anna fejn hemmhekk instabu għodda li allegatament intużat biex ġie sgassat il-bieb ta’ barra tarresidenza. Ir-raġel ittieħed fil-lock-up tal-Pulizija l-Floriana għall-aktar investigazzjonijiet.

Ir-raġel għandu jitressaq il-Qorti aktar tard illum, quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Natasha Galea Sciberras.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija qed jitmexxew mill-Pulizija tad-Distrett tal-Belt.