Internazzjonali

COVID-19: Ġimgħatejn kwarantina għall-barranin u Britanniċi li qed jaslu fir-Renju Unit

Il-maġġoranza tan-nies – inklużi ċittadini Britanniċi — li qegħdin jaslu fir-Renju Unit minn barra se jkollhom jgħixu fi kwarantina għal ġimgħatejn.

L-implimentazzjoni tal-miżura bdiet diġà bħala impenn ieħor kontra l-firxa tal-Covid-19, iżda l-kontroversja mhix qed tonqos, bil-linji tal-ajru u kumpaniji tal-ivvjaġġar jilmentaw li  ‘il-pass mhux iġġustifikat’.

Il-miżura tirrikjedi biex kulmin jivvjaġġa lejn ir-Renju Unit – ħlief għal dawk li  qed jivvjaġġaw mir-Repubblika Irlandiża, iċ-Channel Islands u l-Isle of Man — jiżola ruħu għal erbatax-il jum.

Intant, ħafna mill-passiġġieri li kienu qed jaslu fl-ajruporti ta’ Heathrow u Stansted (f’Londra) qalu, wara li avviċinawhom membri tal-istampa, li kienu ‘kuntenti li jirrispettaw il-miżura’.

Filwaqt li l-kwarantina tista’ titqies bħala inkonvenjent għal xi barranin, oħrajn qed jirrikonoxxu li r-rata ta’ infezzjonijiet mill-Covid-19 għadha għolja fir-Renju Unit.

Madankollu kien hemm ukoll min ilmenta dwar l-effettività tal-miżura, fejn bħala eżempju, issemmew każi fejn ‘individwi li jistgħu huma carriers tal-virus jużaw it-trasport pubbliku biex jivvjaġġaw lejn il-postijiet fejn iridu jibqgħu għall-kwarantina’.

L-Oppożizzjoni Laburista f’Londra qed tħeġġeġ biex in-nies li qed jaslu fir-Renju Unit minn barra jkunu testjati għall-Covid-19 ‘fi kwistjoni ta’ ġranet’ wara l-wasla. Dan meta żdiedu t-talbiet għal sistema ta’ testijiet għan-nies ġewwa l-kumplessi tal-ajruport.

Ir-regola għall-kwarantina, fl-istess ħin, qanqlet kritika qawwija fost il-protagonisti tal-industriji għall-avvjazzjoni u l-ivvjaġġar.

Michael O’Leary, il-Kap Eżekuttiv tal-linja Ryanair, ikkundanna l-miżura bħala ‘waħda ineffettiva u xejn aħjar minn gimmick politiku li minħabba fiha se jitilfu xogħolhom eluf kbar ta’ nies’.O’Leary qed jinsisti li r-regoli ġodda għal ‘self-isolation’ se jwasslu għal ‘effetti devastanti mhux biss għal-linji tal-ajru iżda anki għall-industrija tat-turiżmu Britannika’.

Min-naħa tagħhom, il-kelliema għall-Gvern Britanniku insistew li l-miżura qed taħseb biex tevita tieni mewġa ta’ infezzjonijiet mill-Covid-19.

L-isptarijiet f’Londra, illum, ma reġistraw l-ebda imwiet fost in-nies li testjaw pożittiv għall-Covid-19, għal perjodu ta’ 24 siegħa.

Sadanittant, il-Ministru Ewlieni tal-Iskozja, Nicola Sturgeon, qalet li – għat-tieni ġurnata konsekuttiva – ma kienu rappurtati l-ebda vittmi mill-Covid-19 f’artha. Hi sostniet li dan hu fattur inkoraġġanti, iżda wissiet dwar il-probabbiltà li, ‘il quddiem, iseħħu aktar imwiet mill-virus.