Coronavirus Internazzjonali

Ebda każ attiv fi New Zealand

Neħħew ir-restrizzjonijiet wara 40 JUM mill-aħħar trażmissjoni lokali

New Zealand huwa wieħed mill-ewwel pajjizi li rebaħ il-ġlieda kontra l-Coronavirus. Il-kazi attivi niżlu ghal zero, u l-awtoritajiet ilhom jiem sħaħ ma jirrappurtaw każ ġdid.

Meta wasslet din l-aħbar importanti, il-Prim Ministru ta’ New Zealand Jacinda Ardern qalet illi xorta qed tappella għall-kawtela għaliex hemm possibiltà reali li d-dinja tesperjenza t-tieni mewġa ta’ infezzjonijiet.

U huwa propju għalhekk li l-kontrolli fil-fruntieri se jibqgħu, se jibqa’ wkoll l-obligu tal-kwarantina għal min jiġi minn barra New Zealand , filwaqt li barranin mhux se jitħallew jidħlu – li jfisser, ebda turisti.

Mill-bqija, bil-mod il-mod qed tirritorna n-normalità fi New Zealand – attivitajiet tal-massa, sports bil-partitarji fl-istadia, ebda restrizzjonijiet fuq it-trasport pubbliku, filwaqt li avvenimenti bħal tiġijiet jistgħu jerġgħu jibdew isiru.

B’hekk, l-awtoritajiet fi New Zealand niżlu l-allert nazzjonali ta’ kontra l-Coronavirus għal Livell 1, bl-appell ewlieni jkun li min iħossu ma jiflaħx jibqa’ d-dar u jagħmel kuntatt ma’ tabib.