Futbol Sport

FILMAT: Gżira United jippreżentaw il-Gladjatur tagħhom Steve Borg

Wara li fl-aħħar jiem tħabbar li ntlaħaq ftehim, illum Gżira United ħabbru uffiċjalment l-akkwist ta’ Steve Borg li ffirma kuntratt ta’ ħames snin. F’inizjattiva sabiħa, Gżira United iddeskrivew l-akkwist tad-difensur internazzjonali Malti bħala “IL-Gladjatur”.

Dan hu l-ewwel trasferiment tal-Gżirjani f’dan is-sajf, perjodu li fih qed jittamaw li jibnu skwadra b’saħħitha li tissielet għall-unuri l-istaġun li ġej. Fl-istaġun li ntemm kmieni minħabba l-coronavirus, Gżira United ġew ikklassifikati fis-sitt post u b’hekk baqgħu barra minn post fl-Ewropa.

Steve Borg li għandu 32 sena, matul iż-żmien stabbilixxa ruħu bħala wieħed mill-aqwa plejers lokali u sa issa lagħab 49 logħba mat-tim nazzjonali. Prodott ta’ Mosta, Borg ingħaqad ma’ Valletta fl-2009 fl-età ta’ 21 sena. B’eċċezzjoni tal-istaġun 2015/16 b’esperjenza ma’ Aris Limassol f’Ċipru, Steve Borg lagħab dejjem ma’ Valletta minn meta ngħaqad magħhom għall-ewwel darba.

Ma’ Valletta, Steve Borg rebaħ ħames darbiet il-kampjonat, tliet darbiet l-FA Trophy, sitt darbiet s-Super Cup u t-trofew f’għeluq il-100 sena mill-ewwel kampjonat. Gżira United għadhom iridu jaħtru kowċ għall-istaġun li ġej wara li ftit tal-jiem ilu tħabbar li Paul Zammit laħaq ftehim mal-klabb biex jinħall mill-kuntratt.