Lokali Parlament

Il-Gvern ma jridx mozzjoni għad-dibattitu ta’ nhar l-Erbgħa dwar il-mini-budget

Il-gvern qed isib diffikultà biex għad-dibattitu parlamentari ta’ nhar l-Erbgħa li ġej, li fih se jkun diskuss il-mini-budget indikat mill-Prim Ministru Robert Abela bħala inċentiv għar-irkupru tal-ekonomija, jippreżenta mozzjoni parlamentari li tkun tinkludi l-miżuri li se jħabbar il-gvern.

Din il-pożizzjoni l-gvern esprimieha fil-Kumitat għax-Xogħol tal-Kamra li ltaqa’ llum wara insistenza tal-Viċi-Kap tal-PN David Agius u l-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar.

Il-membri tal-Oppożizzjoni nsistew li l-Oppożizzjoni kellha tingħata dokument dwar il-miżuri tal-gvern biex l-inizjattivi mħabbra jkunu ċari u ma jkunx possibbili li dawn jinbidlu kif diġà sar.

Id-deputat Nazzjonalista Robert Cutajar ppropona wkoll li ssir diskussjoni fuq l-ittra tal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia li fiha l-Oppożizzjoni qed tissuġġerixxi li kamra jew sala fil-parlament tissemma’ għal Daphne Caruana Galizia.

Il-Ministru Zammit Lewis qal li l-bini tal-parlament jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni taħt ir-responsabbiltà tal-Ispeaker.

L-Ispeaker Anġlu Farrugia qal li kien se jikkunsidra t-talba tal-Oppożizzjoni la jidher li m’hemmx oġġezzjoni.