Lokali

Il-PN jikkundanna ‘hate speech’ fil-konfront ta’ attivisti żgħażagħ

Il-Partit Nazzjonalista jikkundanna bla ebda riżervi l-hate speech fil konfront ta’ grupp ta’ żgħażagħ attivisti fosthom Xandru Cassar u Eve Borg Bonello.

Fi stqarrija, id-Deputati Nazzjonalisti Claudette Buttigieg u Robert Cutajar stqarrew kif huwa totalment inaċċettabbli li persuni jħossu li jistgħu jużaw lingwaġġ daqshekk moqżież fil-konfront ta’ żgħażagħ li għandhom kull dritt isemmgħu leħinhom biex jaqbżu għall-vulnerabbli bla ma jħarsu lejn il-kulur tal-ġilda.

Dan l-attakk fuq il-mezzi soċjali huwa verament inkwetanti, għaliex sar, fost oħrajn, minn persuna jew persuni li użaw profil fittizju (fake profile) li jġib l-isem ta’ kmandant nazzista li kien imexxi kamp tal-konċentrament.

Il-Partit Nazzjonalista jħeġġeġ lill-Pulizija biex b’urġenza tieħu azzjoni u tinvestiga sew din il-mewġa ta’ hate speech li għandha tieqaf immedjatament u ssir ġustizzja ma’ min ħaqqu. Ma jistax ikun li l-intolleranza tibqa’ tippersisti f’pajjiżna b’impunita’ assoluta.