Lokali Parlament

Jeħtieġ djar ta’ kwalità fis-Siġġiewi

Ryan Callus, PN

Id-deputat Nazzjonalista Ryan Callus appella biex id-djar tal-gvern fil-lokalitajiet kollha, b’aċċenn għas-Siġġiewi jsir ta’ kwalità għaliex dan hu importanti għall-kwalità tal-ħajja.

Fl-Aġġornament tal-parlament id-deputat Nzzjonalista qal li diversi Siġġiwin huma inkwetati bil-proġetti tal-housing proposti mill-gvern ikkonċentrati fis-Siġġiewi. Hu qal li mhux kontra kontra l-housing soċjali; anzi, l-gvern ħaqu kritika li f’dawn is-seba’ snin, dawk li l-iktar huma fil-bżonn baqgħu mċaħħda mill-postijiet tal-housing hekk kif ma sar lanqas appartament wieħed u jingħata lill-fqir u batut. Għaldaqstant, il-housing hemm bżonnu f’kull lokalità sbiex inwieżnu li minn hu vera batut, minn kaġun tas-sitwazzjoni tal-familja tiegħu u ma jaffordjax isir sid ta’ daru.

Propju minħabba s-sitwazzjoni li gvern Laburista ħalla tiddeġenera bil-listi twal ta’ stennija u seba’ snin ta’ inazzjoni fejn hemm madwar 3000 jistennew’ il-gvern qabdu paniku. Frott ta’ dan il-paniku, l-unika soluzzjoni li ġietu f’moħħu l-gvern Laburista hi li jżid id-densità fil-proġetti tal-housing. Din l-istil ta’ politika tal-ħabba gozz se tirriżulta f’konċentrazzjoni ta’ nies f’post wieħed; fis-Siġġiewi għandna t-tielet każ ta’ housing b’densità ogħlja hafna.

Kif jista jkun jkun hemm blokka tal-housing b’193 appartament fejn il-ground tas-Siġġiewi mingħajr l-ebda spazji miftuha fiha; immaginaw binja ta’ tliet itmiem mingħajr spazju wieħed miftuh. Imsieken dawn in-nies li se jgħixu f’dan il-bini; biex ma nsemmix id-disinn tal-faċċata, li iktar jixbah binja ta’ żmien il-kommuniżmu milli ta’ stat Ewropew tas-seklu 21. Possibbli wara tant diskussjonijiet fuq kemm hu importanti id-disinn tal-faċċati f’dan il-parlament, gvern Laburista ma kienx kapaċi joħroġ b’disinn li jolqtok. Id-disinn medjokri fih innifsu qed jagħti timbru ta’ housing b’mod awtomatiku lil kull min jgħaddi minn quddiemu.

Huwa propju dan it-timbru li jeħtieg neliminaw anke għall-ġid tal-familji stess li se jkunu qed jgħixu f’dawn l-appartamenti. L-integrazzjoni ta’ dawn il-kommunitajiet għandha tkun tali li meta tħares lejn il-binja, tant tkun ta’ kwalità u li tispira sens ta’ kwalità li lanqas biss tinduna li dan huwa bini tal-housing. F’dan ir-rigward, il-gvern falla f’kull sens li jintegra l-proġett mal-kumplament tal-bini li jinsab fil-viċinanzi.

Ryan Callus qal li hemm ukoll proġett ta’ 193 appartament mingħajr post fejn jintrema’ ż-żibel. Ma titwemminx! Timmaġinaw 193 familja joħorġu ż-żibel fuq mhedda ta’ bankina? X’diżastru u x’inkonvenjent se jinħoloq? Mhux biss għar-residenti tad-dawra, imma għar-residenti li se jgħixu fl-appartamenti nfushom.

Fl-aħħar mill-aħħar, tkompli toħroġ kemm dawn huma progetti mingħajr ebda pjanar frott il-paniku li għandu l-gvern, illi l-Awtorità tad-Djar lanqas kellha d-diċenza tipprovdi biżżejjed spazji għall-parkeġġ min kemm huwa meħtieġ. Dawn in-nuqqasijiet kollha jinsabu fi proġetti oħrajn.

F’sit ieħor fis-Siġġiewi, fi Triq it-Tank, għal darb’oħra żdiedu nurmu ta’ appartamenti minn kemm kien previst qabel ħalli nkomplu nippakkjaw in-nies kemm jista’ jkun qishom sardin, basta nnaqsu l-lista ta’ stennija, u lanqas provdejna spazji ta’ parkeġġ biżżejjed fis-sid stess; 35 appartament u 16-il garaxx.)

Dwar id-disinn hawnhekk ukoll, Triq it-Tank kollha bil-parapetti u dan il-proġett bla parapetti.

Ryan Callus qal li jrid jappella lill-Kunsill tas-Siġġiewi biex jitkellem f’isem ir-residenti Siġġiwin u jneħħi minn għajnejh l-għamad tal-politika partiġġjana. Kull uffiċjal elett f’elezzjoni nazzjonali jew lokali, jieħu l-ġurament lejn ir-Repubblika ta’ Malta u allura leali lejn l-interess nazzjonali mhux lejn l-interess partiġġjan. Hu rringrazzja lill-kunsilliera li jinsabu fil-minoranza, Alessia Psaila Zammit, Julian Borg u Francine Farrugia, li kieku ma kienx ghalihom, il-Kunsill tas-Siġġiewi lanqas oġġezzjoni mal-Awtorità tal-Ippjanar ma kien se jagħmel biex tal-inqas nippruvaw nikkonvinċu lill-Awtorità tal-Ippjanar iddaħħal ftit sens f’moħħ il-gvern u jindirizza dawn il-probemi.

Ejja nwarbu l-partiġġjaniżmu fuq dawn il-proġetti proposti fis-Siġġiewi. Ejja ma nibqgħux mfakkra fl-istorja li ħloqna binjiet bla ebda stil u disinn, neqsin mill-kwalità ta’ ħajja tajba, biex sempliċiment naqqasna l-lista tal-housing. Id-deputat Nazzjonalista appella lill-Ministru Galdes, hekk kif is-Siġġiewi jinsab fil-kostitwenza tiegħu biex jattwa din politika ta’ kwalità fil-housing għal-lokalitajiet oħrajn ukoll.

Minix kontra l-housing, assolutament; kontra binjiet li ma jagħtux kwalità ta’ ħajja kif jixraq lil min jgħix fihom u favur housing li meta tħares lejh, titpaxxa bil-kwalità, sostna Ryan Callus.

Ryan Callus qal li teżisti theddida għall-ħruq tal-festa tan-nar San Bastjan f’Ħal Qormi minħabba l-post min fejn jinħaraq in-nar tal-festa minħabba żvilupp propost f’Wied il-Kbir li jinsab bejn Ħal Farruġ u Ħal Qormi.

Hu qal li n-nuqqas ta’ art agrikola u żieda fil-bini fil-periferija ta’ Ħal Qormi, fejn kważi kull ma jmur qed isir diffiċli tagħraf fejn jibda u jispiċċa Ħal Qormi mill-irħula ta’ mad-dawra tal-Ħamrun, Santa Venera u l-Marsa. Dan qed jagħmilha dejjem iktar diffiċli li jinsab post minn fejn jinħaraq in-nar, b’rispett lejn id-distanzi minimi kif stipulati bil-liġi. B’riżultat ta’ dan, il-kamra tan-nar San Bastjan ta’ Ħal Qormi kellha tirriloka għal darba, tnejn u tlieta minħabba l-iżvilupp li żdied mas-snin.

Il-membri tal-GĦaqda tan-Nar San Bastjan, jinsabu inkwetati li fl-eventwalità li l-iżvilupp in kwistjoni li minn razzett jinqaleb għal imħażen jkun approvat, mhux ser jifdallhom post minn fejn jaħarqu n-nar tal-festa ta’ San Bastjan.

Hu appella lill-awtoritajiet, lid-deputati tan-naħa tal-gvern speċjalment dawk li jirrapreżentaw lil Ħal Qormi, li s’issa kelna biss is-skiet minn għandhom, biex nistudjaw sew din it-theddida lejn din il-kultura Maltija f’Ħal Qormi.